Friday, 27 May 2022
           
Home arrow Home
HADD IL-PALM (2022) IL-QADDEJ LI NGHATA GHALINA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 10 April 2022

Din hija il-Liturgija ta' Hadd il-Palm (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 hadd_il_palm_2022.jpeg

 

Il-Liturġija solenni ta’ Ħadd il-Palm tiftaħ il-Ġimgħa Mqaddsa li tikkommemora l-Misteru tal-Għid tas-Sinjur tagħna Sidna Ġesù Kristu.  Il-Knisja tikkommemora dan il-Misteru Qaddis, din is-Siegħa li għaliha deher il-Messija fuq l-art, mhux biex ma tinsiex, iżda biex terġa tgħix mill-ġdid.  Dan hu mportanti, għax meta ngħidu “Il-Knisja” inkunu qed irreferu għal kull wieħed u waħda minna.  Aħna niċċelebraw din il-Ġimgħa Mqaddsa mhux biex niftakru f’dak li għamel Kristu għalina, mhux biex nagħmlu dawn il-pageants li tant saru moda u li nagħmlu “show” bihom anke għat-turisti (!)... forsi hemm post għal dan kollu wkoll, ma nafx.  Imma bħalma f’kull Ewkaristija jerġa’ jseħħ il-Misteru tal-Għidn u terġa’ sseħħ l-għotja ta’ Kristu għalija u għalik, l-istess il-Ġimgħa Mqaddsa kollha kemm hi hija l-Memorjal, ħaġa li qegħda sseħħ issa waqt li nagħmlu Liturġija minnha.

 

Il-poplu Lhudi kien jifhmu dan.  Kien jifhem id-differenza bejn festa ċelebrattiva u Memorjal li jagħmel minn Ġrajja li tkun ġa seħħet ilu, esperjenza li terġa tingħax.  Kemm hu  mportanti dan!  Meta l-Lhud jinġabru familja familja biex jiċċelebraw il-lejl tal-Għid, huma mhux biss “jiftakru” fil-Ħruġ mill-Eġittu taħt Mosè, tant sekli ilu, imma jgħixu issa l-Ħruġ minn xi tip ta’ jasar li kull wieħed ibati minnu.  Jekk bniedem jinsab mimli dubji dwar Alla u mfarrak minħabba ix ġrajja sewda li għadu kif għadda minnha, jidħol għal-Lejl tal-Għid jistenna li llum jgħaddi Alla u jġorru miegħu għal ħelsien u eżistenza ġdida.  Jekk xi ħadd jinsab imdawwar bil-ktajjen ta’ vizzju li qed jherrilu ħajtu, u jaf li hu m’għandux saħħa jinħall bl-isforzi tiegħu għax prova itt darba u mitt darba falla, jidħol biex jgħix l-Għid fi stennija ħerqana li se jgħaddi żgur il-Mulej minn ħajtu u se jagħtih il-Ħelsien li jixxennaq għalih, għax Alla hu Missieru.

Il-Knisja minn dejjem ħarset lejn il-Liturġija tagħha b’dan il-mod ukoll.  Kull azzjoni liturġika hija Memorjal, jiġifieri l-Knisja, aħna, nerġgħu ngħixu mill-ġdid dak li nkunu qed niċċelebraw.  Diġa semmejt li dan iseħħ f’kull quddiesa li hija Memorjal tal-Għid.  Tant hu kbir dan il-Memorjal tal-Għid li l-Knisja ma tiċċelebrahx biss darba fis-sena fil-lejl tal-Għid, kif jagħmlu l-Lhud, iżda kuljum, u f’kull ħin tal-jum jitla’ quddiem Alla ir-Radd il-Ħajr tal-quddiesa minn kull parti tad-dinja.  Din hija meravilja.  U jekk il-Knisja temmen li fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija hi terġa tgħix, terġa’ tirċievi l-Merti eterni li Kristu rebaħ bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu, kemm iktar tgħix bl-istess spirtu din il-Ġimgħa Mqaddsa kollha kemm hi.

 

Biex jirnexxielna nidħlu f’din l-istennija, f’din il-ġabra, għandna bżonn il-Grazzja ta’ Alla.  Allura nitolbuha din il-Grazzja jekk tassew nemmnu li se jgħaddi l-Mulej minn Ħajitna.  Għax jekk le, xi jfisser dan kollu li se nagħmlu?  Nattendu bi ħġarna l-knisja għax hekk dejjem għamilna?  Jew biex inħossu ċerti sentimenti u emozjonijiet li jibirdu malajr fina?  Jew għax għarukaża ma niħdux sehem f’dawn l-akbar ċelebrazzjonijiet tas-sena?  Il-Mulej dejjem jgħaddi waqt il-Misteru tal-Għid u dejjem jagħmel minnu mogħdija, ħruġ, passaġġ minn qagħda ta’ Mewt, ta’ jasar, ta’ dlam, għal esperjenza tal-Ħelsien ta’ Alla.  Din l-esperjenza Hu jwettaqha ma’ dawk li  jkunu jistennewh tassew.

 

Hu għalhekk li l-Għid dejjem insejħulu “Misteru”, bħalma nsejħu “Misteru” wkoll lill-Ewkaristija, għax dak li jmiss ma’ Alla hu dejjem Misteru, u l-Għid huwa Misteru wkoll għax dak li seħħ storikament darba, elfejn sena ilu, jerġa’ jiġri qisu qed jiġri l-ewwel darba kull meta niċċelebrawh.  U bil-Misteru tal-Għid ma nirreferux biss għall-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu iżda mogħdija sħiħa tiegħU: l-ikla tal-Imħabba li għex mal-appostli, id-dippressjoni li waqa’ fija meta ħass it-toqol sħiħ u totali tas-Siegħa li kienet riesqa fuqU, l-umiljazzjonijiet tiegħu quddiem is-Sinedriju u Pilatu, it-tbatijiet fiżiċi terribbli tal-Passjoni tiegħU, l-abbandun tiegħu mill-Missier fuq is-Salib, l-agunija kiefra, il-Mewt, id-Difna u l-Qawmien Glorjuż tiegħu.  Dan hu l-Għid sħiħ u ma nistgħux innaqsu l-ebda dettal minnu. 

 

Għax m’hemmx Qawmien mingħajr is-Salib.  Hu għalhekk li min hu f’qagħda mwiergħa jara tama għalih f’din l-esperjenza ta’ Kristu.  issa, kif għidna, imma tajjeb li nerġgħu nirrepetu: din l-esperjenza Kristu jerġa jgħixha spiritwalment magħna b’tali mod li l-Għid tiegħi isir l-Għid tagħna.  Hu għalhekk li, pereżempju, min qiegħed mormi ġo ċella ta’ ħabs, abbandunat, totalment waħdu u bla tama, jista’ jara f’dan il-Misteru sħiħ tal-Għid il-qagħda tiegħu u jittama li Kristu jġorru miegħu lejn Ħelsien spiritwali li jisboq iċ-ċella magħluqa li fiha jinsab.

 

Il-Knisja tiftaħ din il-Ġimgħa b’purċissjoni li tgħinna ngħixu mill-ġdid id-Daħla trijonfali ta’ Kristu f’Ġerusalemm, milqugħ bil-friegħi tal-palm u ż-żebbuġ.  Forsi wieħed jista’ hawn jgħid li m’hemmx x’tiċċelebra f’mument ta’ ewforija li fil-fatt kienet biss emozzjoni bla sens għax malajr għebet.  Hu diffiċli tifhem l-għala l-Mulej ried jidħol il-belt b’dan il-mod meta kien jaf, Hu waħdu kien jaf, li s-Siegħa kienet waslet.  Imma llum il-Knisja tagħti bidu għal din il-Ġimgħa Mqaddsa bil-ferħ għax taf li se terġa’ tgħix il-Misteru tas-Salvazzjoni tad-dinja.  Wara Randan sħiħ ta’ tħejjija, issa wasal il-waqt tal-Mogħdija tal-Mulej minnn Ħajjitna.

 

Il-Misteru tal-Għid jippreżentalna żewġ faċċati, bħal munita b’żewġ uċuħ, kif inhi, wara kollox, kull esperjenza tal-Ħajja.  Hemm il-parti mudlama, immarkata mit-tbatija, id-dgħufija tal-bniedem, u hemm il-parti tal-Glorja, tal-Ħelsien, tar-Rebħa.  Din hija l-Ħajja.  Din hija l-Ħajja ta’ kull Nisrani.  Din hija l-viżjoni tiegħu fuq dak kollu li jgħaddi minnu.  In-Nisrani jiġbor il-Ħajja tiegħu kollha bħala kollezzjoni ta’ esperjenzi tal-Misteru tal-Għid; mogħdijiet, waħda wara l-oħra minn qagħda ta’ tbatija, ta’ mewt, ta’ dlam għal qagħda ta’ mistrieħ, ta’ ferħ, ta’ ħelsien ta’ Dawl ġdid fuq kollox.  Min Għid għal Għid ieħor; minn Fidi għal Fidi ikbar, sakemm naslu biex ngħixu l-akbar Għid: il-mogħdija tagħna għall-Eternità.  Ara kemm kollox jibda jieħu sens ġdid f’Ħajjitna.  Meta jidher is-Salib, malajr nistaqsu: imma jien x’għamiltlu lil Alla li propju lili sallab d’dan il-mod?  Din tkun kriżi ta’ Fidi, kriżi ta’ dlam.  imma Alla juri li hu Missier għax jagħtina togħma tal-Għid.  F’xi waqt se sseħħ il-mogħdija mbierka mid-dlam għad-Dawl, mill-Mewt għall-Ħajja, mid-dubji għal Fidi akbar minn qabel.

 

Ghalhekk, jekk fl-Għid tinstema’ l-għajta l-kbira: “Il-Mulej Qam mill-Mewt!”, il-Knisja, qabel xejn, tippreżentaH bħala l-Qaddej misterjuż ta’ JHWH li nsibu f’erba poeżiji tal-Profeta Isaija.  Isaija jitkellem fuq  il-Messija li kellu jbati.  Huwa umli u jqis lilu nnifsu bħala xejn quddiem il-Preżenza ta’ Alla.  Il-kobor tiegħU jinsab fil-fiduċja tiegħu f’Missieru li żgur ma jitilqu qatt waħdu imma jimxi miegħu pass pass matul il-ġrajja tiegħu.  Kristu kien jaf b’kull dettal ta’ dak li kellu jgħaddi minnu, imma kien jaf ukoll li din kienet it-triq lejn il-Glorja.  Is-Salib li kienu se jgħabbuh ma kienx saħta iżda l-magħqad, it-tron tas-Sultan rebbieħ fuq il-Mewt.  Kien jaf li kellu jgħaddi minn dawn iż-żewġ waqtiet tant differenti minn xulxin tal-Għid, li huma wkoll il-waqtiet tal-Ħajja.  Il-Profeta jgħid: “Bħalma ħafna ndehxu minnu –  għax wiċċu tħassar, donnu ma  kienx bniedem, u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem – hekk  għad jistagħġbu ħafna ġnus minħabba fih.  Quddiemu s-slaten jagħlqu ħalqhom, għax għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet, u jifhmu dak li qatt ma semgħu bih.”  (Is. 52, 14-15).  In-Nisrani huwa dak li jifhem dak li qatt ma kien sema’ bih.  Għax hu fit-tbatija, fit-twerwir tal-“Ġimgħa l-Kbira” tiegħu, li l-bniedem jagħmel lilu nnifsu ħaġa waħda ma’ Kristu msallab, jibda jifhem xi ħaġa mill-Misteru tal-Ħajja.  Huwa fil-Mogħdija tal-Għid, fir-Rebħa li tnixxi mis-Salib, li tinbena l-Fidi vera.  Ġo fih tibda tixxettel il-konvinzjoni Nisranija li “kollox, imma kollox se jispiċċa sew!”

 

“Min kien jemmen dak li smajna?” (Is. 53, 1) jistaqsi l-Profeta.  Il-Profeta jibqa’ mbellah quddiem l-għemil ta Alla li l-ewwel ibaxxi biex imbagħad jgħolli. Hu refa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna.  Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn.  Iżda hu kien miġrugħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunietna.  Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.”   (Is. 53, 4-5). 

 

Din hija l-qalba tal-Fidi Nisranija.  Kristu ġie biex ikun misħuq taħt it-toqol tal-kastig ta’ dnubietna.  Miskin huwa l-bniedem li jaħseb li hu ġust, li jipponta sebgħu lejn l-oħrajn, li jpespes kontra l-proxxmu.  Miskin hu!  Għax kif se nifhmu din l-Iskrittura, kif se nifhmu l-Aħbar it-Tajba?  Kristu ġie biex jitgħabba bil-kastig li suppost jaqa’ fuqna għax ilkoll dnibna.  Huwa hawn li tinsab il-problema tagħna.  Ilkoll għandna diffikulta meta nsibu ruħna quddiem Kristu msallab.   Jiġrilna bħal dawk ta’ żmien Kristu li quddiem dawk li dnubhom kien jidher, kienu jħossuhom ġusti, tajbin, aħjar.  Huma dawn l-iktar li għandhom problema quddiem il-Kurċifiss, u aktarx li aħna magħhom.  Imma l-adultera, il-prostituta li daħlet tfittex lil Kristu għandu Xmun il-Fariżew, il-ħalliel mislub miegħu, Mattew u Żakkew – ħallelin primi, u tant oħrajn, dawn iktar jistgħu iħossuhom maħsula fid-Demm ta’ Kristu.      

 

Hemm diversi modi kif tista’ tkun iċċelebrata l-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm.  F’wieħed minnhom, dak li jkun qed imexxi, jaqbad is-Salib u jħabbat għal tliet darbiet bih fuq il-bieb magħluq tal-Knisja, li jinfetaħ quddiem is-Salib ta’ Kristu.  Dan il-ġest  irid jurini li Bieb is-Sema, Bieb il-Ħajja ta’ Dejjem jinfetaħ biss bl-Opra ta’ Kristu, bil-Misteru tal-Għid tiegħu.  Minħabba fiH, kull min jemmen mhux biss għandu t-Triq għas-Sema miftuħa quddiemu, iżda għandu dritt għaliha, għandu jedd, mhux minħabba l-qdusija tiegħu, iżda għax rebaħha għalih l-Iben ta’ Alla.

 

Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej

Tifkira tad-Daħla tal-Mulej f’Ġerusalemm

 

Evanġelju

Imbierek is-Sultan li ġej f’isem il-Mulej!

Lq 19, 28-40

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn. U meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru fir-raħal ta’ biswitna; kif taslu, issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom: “Għalfejn qegħdin tħolluh?”, għidulu hekk: “Il-Mulej għandu bżonnu”.

 

Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom. Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: “Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?”. U huma wieġbu: “Għax il-Mulej jeħtieġu”.

 

Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq. Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż-Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajjat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, u bdew jgħidu:

“Imbierek is-Sultan

li ġej f’isem il-Mulej!

Sliem fis-sema,

u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!”

 

Xi wħud mill-fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 

 

 

 

 

 

Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej

Il-Quddiesa

 

Qari I

Ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir.

Is 50, 4-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,

biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.

Ta’ kull filgħodu jqajjimli lil widinti,

biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.

Sidi l-Mulej fetaħli widinti,

u jiena ma webbistx rasi,

ma rġajtx lura.

Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,

ħaddejja lil dawk li kien jnittfuli lħiti;

ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.

Sidi l-Mulej jgħinni,

għalhekk ma nitħawwadx;

għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:

jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 21 (22), 8-9.17-18a.19-20.23-24

 

R/. (2a): Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

 

Dawk kollha li jarawni jidħku bija,

jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:

F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!

Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!” R/.

 

Qabda klieb daru għalija;

ġemgħa nies ħżiena rassewni.

Taqqbuli idejja u riġlejja;

nista’ ngħodd għadmi kollu. R/.

 

Ħwejġi jaqsmu bejniethom,

jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

Mulej, la titbegħidx minni;

qawwa tiegħi, fittex għinni! R/.

 

Inxandar ismek lil ħuti;

infaħħrek f’nofs il-ġemgħa.

Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;

sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb!

ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael! R/.

 

Qari II

Kristu ċekken lilu nnifsu; għalhekk Alla għollieh.

Fil 2, 6-11

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ġesù Kristu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir,

sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;

ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet

u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù

– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom,

u kull ilsien jistqarr:

“Ġesù Kristu hu l-Mulej”,

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Fil 2, 8-9

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,

u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Il-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Lq 22, 14 – 23, 56

 

Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skont San Luqa

 

I

 

K Meta sar il-ħin, Ġesù qagħad fuq il-mejda flimkien mal-appostli, u qalilhom:

 

“Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati! Għaliex, ngħidilkom, din l-ikla m’iniex se nagħmilha iżjed sa ma tkun seħħet għalkollox fis-Saltna ta’

Alla”.

K U qabad kalċi, radd il-ħajr u qal:

 

“Ħudu dan il-kalċi u aqsmuh bejnietkom. Għaliex, ngħidilkom, minn issa ’l quddiem ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa ma tiġi s-Saltna ta’ Alla”.

 

K Imbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal:

 

“Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

 

K Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal:

 

“Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom. Imma, araw, id dak li se jittradini qiegħda miegħi fuq il-mejda. Għax tassew li Bin il-bniedem imur, kif hemm maqtugħ, imma ħażin għalih dak il-bniedem li jittradih!”.

 

K Huma għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin min minnhom kien se jagħmel dan. Inqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed. Imma hu qalilhom:

 

“Fost il-pagani s-slaten jaħkmu fuq in-nies, u dawk li jħaddmu s-setgħa fuqhom isejħulhom benefatturi. Intom mhux hekk, imma l-akbar fostkom għandu jġib ruħu tal-iżgħar wieħed, u min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu ta’ qaddej. Għax min hu l-akbar, dak li jkun fuq il-mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? Mhux dak li jkun fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej. Intom, imbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi; u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom, biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda miegħi f’saltnati, u toqogħdu fuq tronijiet biex tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael. Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ; imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek”.

 

K Qallu Xmun:

 

S “Mulej, jiena lest li miegħek niġi saħansitra l-ħabs, lest li nieħu l-mewt ukoll”.

 

K Imma Ġesù qallu:

 

“Ngħidlek, Pietru, li llum, qabel ma jidden is-serduk, tkun ċħadt għal tliet darbiet li inti tafni”.

 

K Imbagħad qalilhom:

 

“Naqsitkom xi ħaġa meta bgħattkom bla borża u bla ħorġa u bla qorq?”

 

K Huma weġbuh:

 

S “Ma naqasna xejn”.

 

K Qalilhom Ġesù:

 

Imma issa, min għandu borża jqis li jeħodha miegħu, u min għandu ħorġa wkoll; u min ma għandux sejf, ibigħ il-libsa ta’ fuqu u jixtri wieħed. Għaliex ngħidilkom, jeħtieġ li jseħħ fija dak li hemm miktub, jiġifieri: “Li kien magħdud mal-ħżiena”. Tabilħaqq, dak li hemm miktub fuqi jseħħ”.

 

K Qalulu d-dixxipli:

 

S “Mulej, ara, hawn żewġt isjuf hawnhekk”.

 

K Qalilhom Ġesù:

“Biżżejjed!”

 

K Imbagħad ħareġ u mar bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli wkoll marru miegħu. Kif wasal hemmhekk qalilhom:

 

“Itolbu li ma tidħlux fit-tiġrib”.

 

K Imbagħad tbiegħed minnhom daqs tefgħa ta’ ġebla, u nxteħet għarkupptejh jitlob u jgħid:

 

“Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi”.

 

K Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb, imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sal-art. Imbagħad qam mit-talb, mar ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin minħabba s-swied ta’ qalb. U qalilhom:

 

Kif! Irqadtu? Qumu u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib!”

 

K Kif kien għadu jitkellem, waslet ġemgħa nies. Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu. Imma Ġesù qallu:

 

“Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?”

 

K Dawk ta’ madwaru, meta raw x’kien ġej, qalulu:

 

S “Mulej, tridx nagħtu bis-sejf?”

 

K U wieħed minnhom ta daqqa ta’ sejf lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. Imma Ġesù qal:

 

“Ieqfu! Biżżejjed!”

 

K U messlu widintu u fejqu. Imbagħad Ġesù qal lill-qassisin il-kbar, lill-uffiċjali tat-tempju u lix-xjuħ li ġew għalih:

 

“Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten! Meta kont inkun magħkom kuljum fit-tempju, ma meddejtux idejkom fuqi. Imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet!”

 

K Imbagħad qabdu lil Ġesù u ħaduh magħhom, u daħħluh fil-palazz tal-qassis il-kbir. Pietru baqa’ miexi warajhom mill-bogħod. Meta mbagħad qabbdu n-nar f’nofs il-bitħa u nxteħtu bilqiegħda madwaru, Pietru mar qagħad bilqiegħda f’nofshom. Imma kif kien hemm bilqiegħda maġenb in-nar, ratu waħda qaddejja, waħħlet għajnejha fuqu u qalet:

 

S “Dan ukoll kien miegħu!”

 

K Iżda hu ċaħad u qalilha:

 

S “Mara, anqas biss nafu!”

 

K Wara ftit rah xi ħaddieħor, u qallu:

 

S “Int ukoll wieħed minnhom”.

 

K Imma Pietru wieġbu:

 

S “Le, sieħeb, m’iniex!”

 

K Għaddiet xi siegħa u raġa’ kien hemm ieħor li beda jisħaq u jgħid:

 

S “Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll mill-Galilija”.

 

K Iżda Pietru qallu:

 

S “Ma nafx x’inti tgħid, sieħeb”.

 

K U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk idden. U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma li l-Mulej kien qallu: “Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”. U ħareġ ’il barra jibki b’qalbu maqsuma. L-irġiel li kienu qegħdin iżommu lil Ġesù bdew jgħadduh biż-żufjett u jsawtuh, u għattewlu wiċċu u bdew jistaqsuh u jgħidulu:

 

S “Aqta’ min tahielek din id-daqqa!”

 

K U qagħdu jgħajruh b’ħafna kliem ieħor. Meta sebaħ, iltaqgħet il-ġemgħa tax-xjuħ tal-poplu, il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u ħadu lil Ġesù quddiem is-Sinedriju tagħhom. U qalulu:

 

S “Jekk inti l-Messija, għidilna”.

 

K Iżda hu weġibhom:

 

“Jekk ngħidilkom, ma temmnux; jekk nistaqsikom, ma tweġbux. Imma minn issa ’l quddiem Bin il-bniedem ikun bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ Alla li jista’ kollox”.

 

K U lkoll qalulu:

 

S “Inti mela l-Iben ta’ Alla?”

 

K Qalilhom Ġesù:

 

“Intom stess qegħdin tgħiduh; iva, jien”.

 

K U huma qalu:

 

S “Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Għax smajnieha aħna minn fommu stess”.

 

K Imbagħad qamet il-ġemgħa kollha u ħaduh għand Pilatu.

 

II

 

K U bdew jakkużawh u jgħidu:

 

S “Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens tagħna, li mhuwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil Ċesari, u li qiegħed jgħid li hu l-Messija Sultan”.

 

K Pilatu staqsieh u qallu:

 

S “Inti s-sultan tal-Lhud?”

 

K U hu wieġbu:

 

“Inti qiegħed tgħidu”.

 

K Pilatu qal lill-qassisin il-kbar u lill-kotra tan-nies:

 

S “Ebda ħtija ma nsib f’dan il-bniedem”.

 

K Iżda huma baqgħu jinsistu u jgħidu:

 

S “Qiegħed ixewwex lill-poplu, u jgħallem fil-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija sa hawnhekk stess”.

 

K Kif sama’ dan, Pilatu staqsa jekk dak ir-raġel kienx mill-Galilija, u meta sar jaf li hu kien min-naħa li kien jagħmel minnha Erodi, bagħtu quddiemu, għax f’dawk il-jiem Erodi wkoll kien Ġerusalemm. Erodi feraħ ħafna meta ra lil Ġesù, għax minn dak li kien sama’ fuqu kien ilu żmien jixtieq jarah, bit-tama li jara li jagħmel xi sinjal. U għamillu bosta mistoqsijiet, imma Ġesù ma wieġbu xejn. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, b’saħna kbira fuqhom, qagħdu jakkużawh. Imma Erodi, flimkien mas-suldati tiegħu, beda jżebilħu u jgħaddih biż-żufjett, libbsu libsa ta’ kulur ilellex u raġa’ bagħtu quddiem Pilatu. Issa Erodi u Pilatu fl-imgħoddi kellhom għal xulxin, imma dakinhar saru ħbieb. Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar, il-kapijiet, u l-poplu u qalilhom:

 

“Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qiegħed ixewwex lill-poplu. Ara, jiena stħarriġtu quddiemkom fuq l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih. U anqas Erodi ma sab, għax raġa’ bagħtu quddiemna. Qegħdin taraw, mela, li ma għamel xejn li ħaqqu l-mewt. Għalhekk nagħtih is-swat u nitilqu”.

 

K Iżda huma qabdu jgħajtu lkoll f’daqqa:

 

S “Agħtih il-mewt lil dan! Itilqilna ’l Barabba!”

 

K Dan Barabba kienu tefgħuh il-ħabs minħabba rewwixta li kienet qamet fil-belt għax kien qatel. Pilatu, billi ried jitlaq lil Ġesù, għolla leħnu u raġa’ kellimhom; iżda huma qabdu jgħajtu aktar minnu u jgħidu:

 

S “Sallbu! Sallbu!”

 

K Għat-tielet darba qalilhom:

 

S “Imma dan x’għamel ħażin? Ma sibt fih ebda ħtija li ħaqqha l-mewt. Mela nagħtih is-swat u nitilqu”.

 

K Iżda huma b’ħafna għajjat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom. Għalhekk Pilatu qatagħha li jsir kif talbu huma. Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu. Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom:

 

“Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu: “Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda!”. Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji: “Aqgħu fuqna!”, u lill-għoljiet: “Ordmuna!”. Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”.

 

K Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom għall-mewt miegħu. Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. U Ġesù qal:

 

“Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”.

 

 Imbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom.

 

Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu:

 

S “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”

 

K Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu:

 

S “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!”

 

K Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”. 39Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu:

 

S “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna”.

 

K Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu:

 

S “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”.

 

K Imbagħad qal:

 

S “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”.

 

K U Ġesù wieġbu:

 

“Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”.

 

K Għall-ħabta tas-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa, għax ix-xemx iddallmet. Il-velu tas-santwarju ċċarrat min-nofs. Imbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal:

 

“Missier, f’idejk jien nerħi ruħi”.

 

K U kif qal hekk, ħarġet ruħu.

 

Hawnhekk kulħadd jinżel għarkopptejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.

 

K Iċ-ċenturjun, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid:

 

S “Tassew li dan bniedem ġust!”

 

K U n-nies kollha li kienu nġabru hemm biex jaraw, meta raw dawn il-ġrajja, reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom. Dawk kollha li kienu jafuh qagħdu jaraw kollox mill-bogħod; hekk ukoll xi nisa li kienu ġew warajh sa minn meta kien għadu fil-Galilija.

 

III

 

K U kien hemm wieħed jismu Ġużeppi, membru tal-Kunsill, imma raġel tajjeb u ġust, li ma kienx qabel mal-membri l-oħra f’dak li riedu u f’dak li għamlu. Kien minn Arimatija, belt tal-Lhudija, u kien jistenna s-Saltna ta’ Alla. Dan mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù; niżżlu mis-salib, keffnu f’liżar, u qiegħdu f’qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd. Dak in-nhar kien Jum it-Tħejjija, u s-Sibt kien għoddu beda. In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma’ Ġesù marru wara Ġużeppi u raw il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru; imbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra. Is-Sibt għaddewh fil-mistrieħ, skont il-preċett tal-Liġi.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >