Friday, 27 May 2022
           
Home
IT-TIELET HADD TAL-GHID (2022) ZOGHZIJA MGEDDA FIL-MULEJ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 30 April 2022

Din hija il-Liturgija tat-Tielet Hadd ta' L-Ghid (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 where-to-cast-your-net-for-a-big-catch.jpg

 

Liturġikament, dan hu l-isbaħ żmien tas-sena.  Il-Knisja tgħix mill-ġdid il-Memorja ħajja tar-rebħa fuq il-Mewt, rebħa tassew fuq il-Mewt tagħna lkoll.  Din mhix ċajta!  Huwa hawn fejn irridu naslu fil-mixi tal-Fidi tagħna!  Il-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu jagħmel minn dawk li jemmnu fiH tassew, nies ġodda, nies konvinti li la l-mard u lanqas il-Mewt m’għad baqagħlhom setgħa fuqhom.  Din il-Fidi hi rigal enormi ta’ Alla.  Ma jista’ jagħtina xejn aqwa minn dan il-Missier.  Xejn!  Meta tana r-rebħa fuq il-Mewt tagħna fi Kristu, Hu tana kollox.  Dak kollu li d-dnub ta’ Adam kien ħatfilna, Hu tahulna lura mill-ġdid!

 

Min jemmen dan, bi Grazzja tal-Ispirtu s-Santu, jħoss żogħżitu mġedda, kif tgħid l-ewwel talba tal-Ewkaristija tal-lum, il-Kolletta.  Dażgur!  Anke raġel xiħ jaf li minħabba dak li rebaħ għalih Kristu bil-Qawmien tiegħu, hu mhux se jmut, u titwieled fih iċ-ċertezza, il-konvinzjoni stupenda li l-Mewt issa hi biss bħal kuritur qasir ħafna minn din il-Ħajja għall-Ħajja ta’ Dejjem.  Bil-Fidi, din issir iktar minn “Tama”.  Issir ċertezza.  Mhux “naħseb”, jew ‘nittama”, le...  Bil-Fidi nsiru parti minn Kristu, int, jien u dawk kollha li nemmnu fiH, insiru membri tiegħU, ingastati fiH, imlaqqma fiH, Hu u aħna: ħaġa waħda!  Dak li hu tiegħU jsir tagħna!  Il-Ħajja tiegħU hi l-Ħajja tagħna; jekk hu etern Hu, aħna bħalU, bil-Fidi fiH!

Dan bħal meta wieħed għandu ċekk fil-but.  Għad m’għandux il-flus, imma għandu biċċa karta li fuqha hemm miktub somma kbira ta’ flus li tinsab il-bank, u hu ċert li malli jmur biċ-ċekk biex isarfu, l-iskrivan iħares lejn iċ-ċekk u jibda jgħoddlu l-flus mill-ewwel. M’hemm l-ebda dubju li hekk se  jsir.  Mhux se joqgħod jistaqsih kif ġie għandu ċ-ċekk.  Xejn minn dan.  Il-biċċa karta tagħtih is-setgħa li jiġbed dawk il-flus kollha.  Iċ-ċekk tal-Ħajja ta’ Dejjem rebħu għalina u ffirmahulna l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla l-Missier. Kundizzjoni waħda: li aħna nemmnu l-Kelma ta’ Kristu dwar dan.  Iktar minn darba huwa qal: “Jien hu l-Qawmien u l-Ħajja.  Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt!”  (Ġw. 11, 25-26).  “Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.  (Ġw. 6, 47).  “Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Alla: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.”  (Ġw. 6, 40).  “Tassew tassew ngħidilkom li min jisma’ kelmti u jemmen f’min bagħatni għandu l-ħajja ta’ dejjem u ma jsirx ħaqq minnu, imma għadda mill-mewt għall-ħajja.”  (Ġw. 5, 24).  U tant kwotazzjonijiet oħra fil-Vanġeli kollha.  Imma jahasra, hemm dawk li ma jemmnux fiċ-“ċekk” ta’ Kristu!

 

Minn dan jiddependi kollox: jekk nemminx li Kristu ma kienx qiegħed jigdeb meta kien qed iwiegħed dawn l-għeġubijiet kollha.  Ma’ Alla m’hemmx tidwir mal-lewża.  Il-Ħaqq hu wieħed: jekk nemmnux lil Iben ta’ Alla jew inkella ngiddbuh.  “Min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-Isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.”  (Ġw. 3, 18).    Għax Alla qatt ma qal kelma waħda żejda.  Hu stess qalilna biex ma ngħidu xejn żejjed għax il-kliem jiswa... kull kelma tiswa.  Hu qal “Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le’; kulma hu ijed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin.”  (Mt. 5, 37).  Aħna nafu li b’Kelma Hu ħalaq kollox.  Il-Ġenesi jgħidilna: “U qal Alla: ‘Ħa jkun nid-dawl.’ U d-dawl sar.”  (Ġen. 1, 3).  Alla jobgħod il-kliem żejjed u żgur li Kristu ma kellimnix  “żejjed”  meta qalilna dak il-Kliem kollu fuq il-Ħajja ta’ Dejjem.

 

Dan iż-żmien tal-Għid huwa wkoll iż-żmien meta niċċelebraw il-Magħmudija tagħna.  Għax dak kollu li rebaħ għalina l-Mulej Ġesù fil-Misteru sħiħ tal-Għid tiegħu, għaddieh lilna meta ppermetta li aħna niġu mgħaddsa fl-ilmijiet tal-Magħmudija.  Xi Grazzja!  Ara ma tmurx titbellah u taħseb li jekk tirbaħ xi lotterija ta’ miljuni ta’ liri hi fortuna ikbar mill-Magħmudija li int irċivejt!  Meta rċivejtha ma kontx taf xi rċivejt, u x’ħasra, x’ħasra, x’ħasra tkun din li tasal biex tmut u tkun għadek ma skoprejtx x’hemm fik, x’inżera’ fik dak in-nhar!  Fil-Magħmudija int ġejt adottat.  Għax int “iltim” f’Adam, għax Adam inqata’ minn Missieru li hu Alla; inqata’ minn miegħu għax issuspetta fih.  Imma l-Magħmudija tiżra’ ġewwa fina l-Fidi, iċ-ċertezza li aħna wlied il-Missier, u dak kollu li hu tal-Missier hu tagħna b’wirt.  Is-Sema hu tagħna.  Il-Ġenna hi tagħna.  Il-Glorja għal dejjem hi tagħna. 

 

Mhux għax ħaqqna...  Alla mhux bħad-dinja li tgħidlek li ħaqqek tieħu, jekk ħaqqek premju tieħu premju, jekk ħaqqek kastig tieħu kastig.  Jekk tistudja tgħaddi, jekk taħdem taqla’.  Le.  Il-Ġustizzja ta’ Alla hi differenti.  Alla jiġġustifikana b’Ibnu, aħna li konna għedewwa tiegħu kull meta dnibna.  Kristu miet jitlob il-Ġenna għal dawk li  kienu jsallbuH!  U l-ewwel li daħal miegħU fis-Saltna kien ħalliel-qattiel.  Kristu ma jiġġudika lill-ebda midneb imma jmut għalih biex il-Merti tiegħu (ta’ Kristu) jsiru l-merti tal-midneb.  Hu b’dan biss li aħna nistgħu nirbħu l-Ġenna, il-Ħajja ta’ Dejjem fil-Ferħ u s-Sliem.  Hu jlibbisna l-libsa tal-Magħġmudija, libsa bajda, li hija l-libsa tiegħu stess, il-libsa tal-Merti ta’ Ġesù li issa jsiru l-merti tagħna... dejjem jekk nemmnu l-Kelma ta’ Kristu u mhux ngħadduh ta’ giddieb jew ta’ xi ħadd li kien qed jivvinta l-ħrejjef.  Il-Fidi kollox.  Bil-Fidi, dak kollu li hu ta’ Kristu jsir tiegħek.  Dan hu li jagħmel mill-Kristjaneżmu “Aħbar Tajba” għall-bniedem, u mhux reliġjon bħall-oħrajn.

 

Hu minħabba dan li l-ikbar midneb li jeżisti, l-iktar wieħed imsejken li hawn fuq l-art, jista’ jittama li s-Sema hu miftuħ għalih jekk biss idur lejn Kristu bil-Fidi.  Dan hu x-xogħol tal-Knisja: li tmellaħ id-dinja, tmellaħ u tagħti togħma lill-pagani u lill-midinbin biex jekk xi ħadd jasal fl-aħħar waqt ta’ ħajtu u jdawwar għajnejh lejn Kristu u jlissen l-Isem tiegħU: “Mulej Ġesù ikollok ħniena minni!” hu jsalva!  Daqshekk kbira hi l-Qawwa ta’ Kristu rebbieħ fuq il-Mewt!  Daqshekk kbar huma l-Merti li Hu rebaħ bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu b’risq il-bnedmin kollha.  Il-Knisja ddakkar lil dawk ta’ madwarha, li mhux bil-fors jagħmlu parti minnha.  Iddakkarhom biex fl-iktar mument importanti tal-Ħajja, it-tmiem tal-Ħajja, huma jiftakru u jlissnu l-Isem Qaddis b’tama... u l-Mewt issir il-kuritur għas-Salvazzjoni.

 

Imma hawn ħafna li dan kollu ma jinteressahom xejn.  Is-soċjetà tagħna qegħda tagħmel esperjenza tal-flus donnu għall-ewwel darba.  Dak li għandu x’jaqsam mal-flus biss jagħmel sens.  Id-Demm ta’ Kristu ħa jkun ixxerred għalxejn għalihom għax fil-fond ma jemmnux li hu relevanti għal-lum!  Fuq dan se jkun il-Ħaqq finali, għax Kristu jiġi fil-Glorja u s-Setrgħa biex jiġbor lil dawk li huma tiegħU, dawk li emmnu fiH u twieldu mill-ġdid fiH.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

Qari I

Ta’ dan kollu hawn xhieda aħna u l-Ispirtu s-Santu.

Atti 5:27b-32,40b-41

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, il-qaddejja ressqu lill-appostli quddiem is-Sinedriju. U l-qassis il-kbir qalilhom: “Aħna għednielkom fuq li għednielkom biex ma tgħallmux fuq dan l-isem. U araw, issa mlejtu ’l Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom, u tridu titfgħu fuqna l-ħtija ta’ demm dan il-bniedem!”.

 

Iżda Pietru, flimkien mal-appostli, wieġeb u qal: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin. Alla ta’ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda. Alla għollieh bil-leminija tiegħu u għamlu kap u salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. U ta’ dan kollu hawn xhieda aħna flimkien mal-Ispirtu s-Santu li Alla ta lil dawk li jobduh”.

 

Lill-appostli, wara li tawhom is-swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem ta’ Ġesù; imbagħad telquhom. Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

Salm 29(30):2,4,5,6,11,12a,13b

R/.(2a): Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.

jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,

u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.

Mulej, tellajtli mill-mewt ’il ruħi,

ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra. R/.

 

Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,

faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,

iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.

Filgħaxija jidħol il-biki,

filgħodu jidwi l-għajat ta’ ferħ. R/.

 

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;

kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi!

Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi.

Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem! R/.

 

Qari II

Jistħoqqlu l-Ħaruf il-maqtul li jirċievi l-qawwa u l-għana.

Apok 5:11-14

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

 

Jiena, Ġwanni, ħarist, u minn madwar it-tron u l-Ħlejjaq Ħajjin u x-Xjuħ smajt il-leħen ta’ ħafna anġli, li l-għadd tagħhom kien għaxriet ta’ eluf, u eluf ta’ eluf, jgħidu b’leħen qawwi:

“Jistħoqqlu l-Ħaruf li kien maqtul

li jirċievi l-qawwa u l-għana

u l-għerf u s-saħħa

u l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir”.

 

U fis-sema, fuq l-art, taħt l-art, u fil-baħar u l-ħlejjaq kollha li fihom, smajthom jgħidu:

“Lil dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf,

jingħata t-tifħir u l-ġieħ u l-glorja u l-ħakma,

għal dejjem ta’ dejjem”.

 

 L-erba’ Ħlejjaq Ħajjin bdew iwieġbu:

“Amen!”, filwaqt li x-Xjuħ inxteħtu jagħtu qima.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Kristu qam mill-imwiet, hu li ħalaq id-dinja,

u fil-ħniena tiegħu salva lill-bnedmin kollha.

R/. Hallelujah.

Evanġelju

Ġesù qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut.

Ġw 21:1-19

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien. Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad”. Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll”. Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.

Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”. “Le”, weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!”. Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.

Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. Qalilhom Ġesù: “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu”. Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu”. Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih: “Int min int?”, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

 

Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?”. Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi”. Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?”. Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”. Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?”. Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba: “Tħobbni?”, u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok”. Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!”. Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >