Friday, 27 May 2022
           
Home
IR-RABA’ HADD TAL-GHID (2022) HU R-RAGHAJ, AHNA L-MERHLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 07 May 2022

Din hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd ta' L-Ghid (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

good_shepard.jpg

 

Xi jfisser tkun Nisrani?  Ifisser tkun parti minn merħla, Ġemgħa Qaddisa, miexja alenija wara r-Ragħaj il-Kbir li rebaħ il-Mewt.  Merħla nagħaġ li ma jibżgħux mid-dlam tal-lejl, jew mill-kesħa, jew mit-triq twila, twila.  Lanqas jitħassbu li għada ma jsibux x’jieklu jew x’jixorbu, u fuq kollox ma jibżgħux mill-ilpup li jimxu magħhom fuq il-lemin u fuq ix-xellug lesti biex jaqbżu fuq xi nagħġa li titlajja lura fil-merħla.  Huma jafu wara min mexjin!  Ir-Ragħaj tagħhom hu fidil u ġa tqabad it-taqbida l-kbira għalihom u rebaħ għalihom id-dritt għall-maqjel li lejh qed iterrqu.

 

Propjament in-nagħaġ ma jafux fejn sejrin.  Aħna għandna l-Wegħda tal-Ħajja ta’ Dejjem, imma min jaf eżatt din x’inhi, jekk għadna hawn interrqu lejha?  San Ġwann tas-Salib jgħid: “Biex tmur fejn ma tafx trid tgħaddi minn toroq li ma tafx.”  Imma l-merħla ma tagħtix kas ta’ dan!  Ta’ dan jagħti kas Hu!  Huma għandhom il-garanzija tar-Ragħaj li rawH jitqabad mal-ilpup u rebħilhom b’Rebħa ta’ dejjem.  Rawh ġej lura u lbiesu kienu ħomor bħall-iskarlatt bid-demm tiegħU li xerred għalihom.  Kien qisu, tgħid l-Iskrittura, bħal wieħed li jinżel fil-magħsar u jgħaffeġ l-għeneb u lbiesu sar aħmar nar.  Kif ma jafdawhx?

L-ilpup tagħna huma x-xjaten li jduru madwarna li jippruvaw jherru l-Fidi tagħna fir-Ragħaj.  Imma sakemm għajnejna huma ffissati fiH, ħadd u xejn ma jista’ għalina.  Hu stess qal: “In-nagħaġ tiegħi ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.  Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id  il-Missier.”  (Ġw. 10, 28-29).  Din hi l-garanzija tagħna!  Imma noqogħdu attenti!  Kristu hu fidil, imma jien u int ħielsa u nistgħu naljenaw ruħna b’xi ċuċata u nersqu għat-tarf fil-ġenb fejn hemm l-għajnejn ħomor tal-ilpup, jishru, jishru.  San Pawl u San Barnaba, profeti taż-żmien il-ġdid, “baqgħu ikellmuhom u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla.” (Atti 13, 43). 

 

Pawlu u Barnaba huma l-Knisja, li bħal Omm li tishar fuq  ulieda tgħallimna u tħeġġiġna biex ma nitilfux il-Grazzja.  Liema Grazzja?  Il-Grazzja tal-Fidi!  Liema Fidi?  Il-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Dan hu li jagħmilna Nsara.  Dan hu li jagħmilna qaddisin f’għajnejn il-Missier.  Jekk int u jien nemmnu li Kristu inagħta għall-Mewt ħarxa tas-Salib biex inkunu ċerti li d-dejn tagħna mal-Missier minħabba dnubietna ġie mħassar, ġie mħallas, allura aħna safja u “lebsin l-ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejna.”  (Apok. 7, 9).  Mhux għax għandna xi merti ta’ dan aħna.  Huwa r-Ragħaj li jiġġustifikana.  Huwa Kristu li libbisna l-merti glorjużi tiegħU! 

 

Hu minħabba din il-Grazzja, dan ir-Rigal enormi, li fina tinbet Imħabba kbira lejH.  Għax kien Hu li ħabbna l-ewwel meta konna għedewwa tiegħu u midinba mingħajr Fidi.  “Hawn qegħda l-imħabba; mhux għax ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.”  (1 Ġw. 4, 10).  L-Imħabba toħroġ mingħandu u timla lil qalbna u biha aħna nistgħu inħobbu lil xulxin.  Kollox minnu.  Kollox Grazzja.  “Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin.”  (1 Ġw. 4, 11). 

 

Dawn huma n-nagħaġ li tassew jimxu wara Ġesù, dawk li skoprew kemm huma dgħajfa, kemm żbaljaw f’Ħajjithom, kemm ħawdu, kemm fittxew il-Ferħ kullimkien barra minn fi Kristu, imma skoprew ukoll li Kristu dejjem ħabbhom hekk kif kienu.  Din l-iskoperta stupenda tad-dnub tagħna u tal-Imħabba sorprendenti ta’ Alla għalina tagħmel minna nies ġodda.  Fi Kristu ninżgħu l-bniedem il-qadim bil-ġibdiet u l-qerq kollu tiegħu u nilbsu l-bniedem il-ġdid, natura ġdida, natura ta’ Kristu nnifsu li tkun kapaċi twettaq ir-Rieda tal-Missier.  Dawn nistgħu inkunu aħna.  Nistgħu inkunu aħna bil-friegħi tal-palm f’idejna li jfissru li nkunu xhieda ta’ Ġesù fid-dar, fuq ix-xogħol, fil-pjazez.

 

It-Tieni Qari tal-lum jgħidilna li l-Insara, in-nagħaġ tar-Ragħaj is-Sabiħ, dawk li lebsin l-ilbiesu twal bojod bil-friegħi tax-xhieda f’idejhom “huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf.”  (Apok. 7, 14).  Għax aħna nitwieldu bi lbies maħmuġ, bin-natura li writna minn Adam, miġbudin lejn it-tlellix tal-ħażen u l-egoiżmi.  Imma jekk tassew aħna Nsara, aħna naħslu ħwejjiġna fid-Demm tal-Ħaruf maqtul għalina.  Dan ifisser li nsiru qaddisin għax nemmnu fid-Demm li Alla nnifsu xerred biex jaħsel id-dnub tad-dinja.  Din hija l-Grazzja l-Kbira li ġabilna Kristu.  Mhux ta’ b’xejn li Pawlu u Barnaba, fl-Ewwel Qari, “baqgħu ikellmuhom u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla.”  (Atti 13, 43).  Din hi l-Grazzja ta’ Alla: li aħna m’aħniex ħlief ġarar tal-fuħħar li jiġġelġlu għal kull ħaġa ta’ xejn, iżda bil-Fidi tagħna fi Kristu nidhru ġusti quddiem il-Missier.  Għax meta l-Missier iħares lejna, Hu jara lil Ibnu fina, Hu li obdih sa fuq is-Salib u li qajmu mill-Mewt biex minnu toħroġ il-Ħajja ta’ Dejjem għalina.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

  Qari I

Aħna se nduru fuq il-pagani.

Atti 13:14,43-52

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pawlu u Barnaba minn Perge baqgħu sejrin sa ma waslu f’Antjokja ta’ Pisidja. F’jum is-Sibt daħlu fis-sinagoga u qagħdu bilqiegħda. U meta xterdet il-ġemgħa tas-sinagoga, ħafna, kemm mil-Lhud u kemm mill-prosèliti twajba, marru ma’ Pawlu u ma’ Barnaba, u dawn ħeġġewhom biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla.

Is-Sibt ta’ wara, tista’ tgħid il-belt kollha nġabret biex tisma’ l-kelma tal-Mulej. Il-Lhud, meta raw il-folol, imtlew bl-għira u bdew imieru lil Pawlu u jidgħulu. Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: “Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna l-Mulej: Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art’”.

 

Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja ta’ dejjem emmnu. Hekk il-kelma tal-Mulej baqgħet tixtered mal-art kollha. Imma l-Lhud xewxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhomil barra minn arthom. Huma farfru għal fuqhom it-trab minn ma’ riġlejhom u marru Ikonju. Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

Salm 99(100):2,3,5

R/.(3c): Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.

jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

aqdu bil-ferħ lill-Mulej,

idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.

Kunu afu li Jaħweh hu Alla:

hu ħalaqna, u aħna tiegħu,

aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.

Għax twajjeb il-Mulej,

għal dejjem it-tjieba tiegħu;

minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.

Qari II

Il-Ħaruf ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja.

Apok 7:9,14b-17

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jiena, Ġwanni, ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom.

U wieħed mix-Xjuħ qalli: Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf. Għalhekk jinsabu quddiem it-tron ta’ Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu; u dak li qiegħed fuq it-tron jeħodhom jgħammru taħt il-kenn tiegħu. Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, u anqas ebda għomma, ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja. U Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10:14

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;

jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,

u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.

R/. Hallelujah.

Evanġelju

Lin-nagħaġ tiegħi nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem.

Ġw 10:27-30

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >