Din
hija il-Liturgija tal-Hames Hadd ta' L-Ghid (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fil-Misteru tal-Missjoni ta’ Kristu seħħet xi ħaġa tal-għaġeb: Ħolqien
Ġdid! Poplu Ġdid ġie mnissel. Fil-bidu, minn Adam rieqed ħarġet Eva
bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu. B’hekk
minnhom inħalqet ir-razza umana. Imma
minn Kristu “rieqed” fuq is-Salib, ħarġet minn ġenbu razza ġdida, Poplu Ġdid:
il-Knisja. Adam u Eva saru ġisem wieħed
li ta frott qares għax kull min tnissel minnhom inagħtatlu n-natura tagħhom li
tmut, għax dinbu. Imma meta Kristu u
l-Knisja saru ġisem wieħed huma ma tawx frott il-Mewt, iżda frott Ħaj għal
dejjem, ulied il-Fidi li jġorru ġewwa fihom in-natura divina ta’ Alla nnifsu,
li ma tmut qatt.
Dan huwa d-Dawl li jeħtieġ idawwalna f’dawn il-jien “friski” tal-Għid, meta
l-Knisja qegħda tħejji ruħha biex tgħix Memorjal ieħor, il-Memorjal ta’ Għid
il-Ħamsin, bil-Grieg “il-Pentekoste”. Kull min tassew qiegħed f’Mixja ta’
Konverżjoni jantiċipa b’ħeġġa dawn il-mumenti solenni tal-Liturġija
tal-Knisja. Il-Knisja tgħix minn
stennija għal stennija. Issa għandha
quddiemha l-istennija li tgħix qisu qed iseħħ issa, iseħħ din is-sena,
il-Pentekoste. Il-Knisja taf x’inhu
d-deżert spiritwali, in-nixfa meta l-Għarus tagħha bħal donnu jinħeba ftit
minnha. Imma ikbar kemm hu l-għatx
tad-deżert, iktar tistenna biex dak li ġara darba jerġa’ jseħħ u d-deżert
jinfaqa’ bl-għarar tal-Ispirtu s-Santu!
Kollox minnU, mingħajrU xejn!
Għalhekk kollox hu Misteru, għax dak li seħħ darba, jseħħ fina meta
nġarrbuh, meta jkollna l-esperjenza tiegħu.
Għax x’ikun ta’ ġid għalija jekk xi ħaġa tajba ġrat elfejn sena ilu u
miegħi għadha ma messet qatt?
Santa Tereża ta’ Avila, Duttura tal-Knisja u dik li wettqet ir-Riforma
tal-Ordni Karmelitan, damet snin twal soru fi kriżi, dejjem b’subgħajha mdaħħal
fil-Brevjar, tant li ħa l-forma ta’ subgħajha.
Snin tbati biex titlob. Snin ta’
deżert. Darba kienet għaddejja minn
kuritur tal-kunvent u ħarset lejn wiċċ il-Kurċifiss li kien hemm imdendel. Min jaf kemm mijiet ta’ drabi ħarset lejH bla
ma tat kas. Din id-darba seħħ il-Misteru
tal-Għid fiha! Kristu bħal qisu miet
għal din is-soru f’dak il-waqt, mhux qabel.
Bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu hi “rat” dak li qabel ma setgħetx
“tara”. L-Ispirtu ta l-Ħajja
lill-Misteru. Dan jista’ jiġri lilna
tafux! Kelma qaddisa li tkun smajtha elf
darba bla ma daqqlek xejn, tismagħha darba bid-Dawl tal-Ispirtu u tbiddlek
mill-qiegħ! Fid-Dawl tal-Ispirtu, Int
tibda “tara” l-problemi u kulma jeżisti madwarek b’għajnejn “ġodda”.
Dan hu li ġralhom l-Appostli fl-Ewwel Pentekoste. Quddiem Kristu mqajjem mill-Mewt ferħu fuq li
ferħu, imma beżgħu wkoll fl-istess ħin.
Il-Qawmien ta’ Kristu ma ħelishomx mill-biża’. Baqgħu isakkru l-bieb ta’ fejn kienu
bl-istaneg. Il-Qawmien seħħ fihom u
għalihom dak inhar meta n-Nar tal-Ispirtu s-Santu qabbad Ħuġġieġa qaddisa ġewwa
qalbhom u wrihom x’kienet ir-rejaltà ġdida, il-Verità! Huma tajru l-istaneg, fetħu beraħ il-bibien
imsakkra, u huma, li kienu jibżgħu min-nies, issa mlew lil Ġerusalemm kollha
bl-Aħbar li l-Messija tant mistenni kien intbagħad u niesu kienu qatluh fuq
salib aħrax, imma l-Missier kien qajmu u huma kienu xhieda ta’ dan!
Il-Knisja twieldet mill-Ispirtu s-Santu, l-istess kif Kristu tnissel
f’Marija permezz tal-Ispirtu s-Santu. Xi
freskezza ta’ rakkonti nsibu fl-Atti tal-Appostli! Nimmaġinaw lil Pawlu u lil Barnaba, mimlijin
bl-Ispirtu s-Santu, imbuttati minnU, mimlijin ħeġġa biex ixandru dak li kien
ġdid għad-dinja, għall-bnedmin kollha.
Huma jiġru minn belt għal belt fl-Asja Minuri (illum it-Turkija). Minn Listra għal Ikonju, minnn Ikonju għal
Antijokja, minn Antijokja għal Pisidja, minn Pisidja għal Pamfilja, minn
Pamfilja għal Perge, u minn hemm għal Attalja...
Kien xogħol, u xogħol ħafna drabi diffiċli, imma huma ma kinux iqisuh
xogħol. Kien żmien ta’ tbatija, bil-mixi
kullimkien, daqqa milqugħa daqqa mħaġġra, imma dan ma qisuhx tbatija. Mhux darba u tnejn farfru s-sandli ta’
saqajhom mit-trab ta’ bliet li ma laqgħuhomx, imma għalihom dan ma kienx ta’
qtigħ il-qalb. Għax dan kollu għalihom
kien frott l-Imħabba lejn Alla u l-proxxmu.
Meta int tagħmel xi ħaġa għax tħobb tagħmilha, anke jekk tiswielek
tbatija, it-tbatija ma tarahiex, it-tbatija fiha sens, it-tbatja tkabbar
l-Imħabba. Imma jekk tagħmel xi ħaġa
għax bil-fors, għax ikkmandawk, għax hekk suppost, allura tbatija biss ikun
hemm, għax m’hemmx Imħabba. Bħal żewġt
itfal jagħmlu l-istess “homework”. Wieħed iħobb jistudja. L-ieħor jagħmel kollox bil-fors u jħares lejn
l-arloġġ fuq il-ħajt biex itajjar kollox u jmur jilgħab!
Lil dawk li emmnu f’Ġesù u ħabbewH ta’ dak kollu li għamel għalihom, Pawlu
u Barnaba qalulhom: “Bi tbatijiet kbar
jeħtieġilna nidħlu fis-Saltna ta’
Alla!” (Atti 14, 22). Imma kienu jafu li qed jitkellmu ma’ nies li
kienu nnamrati ma’ Kristu għax emmnu fil-Misteru tal-Għid tiegħu. Huma emmnu li dnubiethom kollha ġew maħsula
fid-Demm ta’ Kristu. Hu miet biex huma
ma jmutux! Hu bata fuq li bata biex huma
ma jkollhomx xi jpattu. Hu daħal
fil-Mewt u ħareġ minnha biex jagħtihom garanzija li huma ma kienu se jmutu
qatt! Għal nies bħal dawn, li jbatu għal
Kristu hi ħaġa normali. Anzi kienu jafu
xi ħaġa profonda: l-Imħabba tidher u tikber fit-tbatija, fis-Salib, meta tkun
ippersegwitata. Il-bqija kollox frugħa.
Fil-qalba tal-kultura tal-lum, li dejjem qegħda ssir tixbah lil dik
Greko-Rumana, għandna bżonn Knisja Ħajja.
Knisja Ħajja iwellidha biss l-Ispirtu s-Santu għax minnU u minnU biss
tnixxi l-Ħajja vera. Knisja magħmula
minn aħwa li jafu li n-Nisrani qatt ma “wasal” imma dejjem qiegħed f’mixja ta’
Fidi, fi proċess tal-Magħmudija li trid tikber sakemm tilħaq il-milja tagħha
fih. Insara bħal dawn jishru għall-Ispirtu.
Huma bil-għatx għall-Ispirtu.
Huma fqar u mxennqa għall-Ispirtu.
Huma jafu li l-Missier ma jittradixxix it-Talba għall-Ispirtu għax Ġesù
qal iktar minn darba li l-Missier ma jistax jiċħad it-Talba ta’ min jitolbu
l-Ispirtu s-Santu.
Għandna bżonn Knisja kollha Nar, Nar li ma jaħraqhiex, Nar li jwerwer
lill-għedewwa, Nar li jsaħħan il-qlub ta’ min jemmnen. Knisja li tkun bħar-riħ... dejjem miftuħa
għal dak li jindikalha Alla. Knisja li
l-għan waħdieni għall-eżistenza tagħha hu li tixhed li l-Mewt ġiet mirbuħa fi
Kristu! Dan hu li l-Mulej bgħatna
nxandru. Din hi l-bomba li d-dinja
għandha bżonn tisma’, imma d-dinja tilfet is-smigħ għax tara lil kulħadd imut,
li saħansitra l-ġebel żonqri jinbidel u jitmermer mas-sekli! Kif tiġi tgħidli li l-Mewt hi mirbuħa?!
Huwa hawn li tidħol il-Knisja. Huwa
hawn li d-dinja għandha bżonn tara Knisja Ħajja, ikollha Knisja Ħajja fil-qalba
tagħha bħalma l-borma għandha bżonn il-melħ fil-qalba tal-affarijiet l-oħra li
jkun hemm fiha. Kif se temmen id-dinja
li l-Mewt intrebħet minn Kristu? Billi
tara aħwa, Kristjani, maturi fil-Fidi, li fihom Kristu rebaħ il-Mewt
tagħhom. Nies sempliċi, magħrufa bħala
nies normali mill-ġirien, imma li ftit il-ftit jinbidlu fi xbihat fqar ta’
Kristu u li jsiru differenti. Differenti
mill-bqija. Ir-rebħa fuq il-Mewt tidher
mill-għaqda totali ta’ bejn l-aħwa u l-imħabba għall-għadu. Dawn huma s-sinjali li lid-dinja jgħidulha li
l-Mewt m’għadx għanha setgħa fuq dawn in-nies bil-biża’ tagħha. Għax dawn l-aħwa issa huma Ħajjin għal
Dejjem. Aħna li tgħammidna, aħna msejħin
biex dan kollu jseħħ fina, mhux bl-isforzi tagħna (!), mhux bil-merti tagħna
(!) imma bl-opra tal-Ispirtu s-Santi li jaħdem f’dawk li jemmnu tassew f’Ġesù. Minn hawn stess huma jkollhom esperjenza
tal-Ħajja li ma tispiċċax fejn “Alla
nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu
jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki
jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel.”
(Apok. 21, 3-4).
Id-dinja hija mħassra, mimlija vjolenza, korruzzjoni, egoiżmi u
tensjoni. Imma d-dinja taf fejn hemm
l-Imħabba u fejn m’hemmx. Id-dinja
tagħraf fejn hemm Nisrani veru u Nisrani “tal-isem”. Il-Mulej stess qal: “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli
tiegħi: jekk ikollkom l-imħabba ta’ bejnietkom.” (Ġw. 13, 34-35).
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Għarrfu lill-Knisja b’dak kollu li Alla għamel magħhom.
Atti 14:21b-27
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pawlu u Barnaba reġgħu lura lejn
Listra, Ikonju u Antjokja, jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu
fil-fidi, għaliex, kif kienu jgħidulhom, “jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu
fis-Saltna ta’ Alla”.
Għamlulhom ukoll presbiteri f’kull Knisja, u
bit-talb u s-sawm ħallewhom f’idejn il-Mulej, li fih kienu emmnu. Imbagħad
għaddew minn Pisidja u ġew fil-Pamfilja. Wara li xandru l-kelma f’Perġe, niżlu
Attalija; minn hemm marru bil-baħar lejn Antjokja, mnejn kienu bagħtuhom u
rrikkmandawhom f’idejn il-grazzja ta’ Alla għax-xogħol li temmew.
Meta waslu, laqqgħu l-membri tal-Knisja u qagħdu
jgħarrfuhom b’dak kollu li Alla għamel magħhom, u wrewhom kif fetaħ il-bieb
tal-fidi għall-pagani.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 144(145):8-9,10-11,12-13ab
R/.(ara 1): Imbierek ismek għal dejjem, Mulej.
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kulma għamel. R/.
Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.
Jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,
u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.
Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,
minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. R/.
Qari II
Il-Mulej jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.
Apok 21:1-5a
Qari mill-Ktieb
tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu
Jiena, Ġwanni, rajt sema ġdid u art ġdida, għax
is-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel għabu, u ma kienx hemm iżjed baħar. U
l-Belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida, rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla,
imħejjija bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha.
U smajt leħen qawwi ġej mit-tron jgħid:
“Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin!
Hu jgħammar magħhom,
u huma jkunu l-poplu tiegħu,
u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom.
Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom;
ma jkunx hemm iżjed mewt,
anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm
iżjed,
għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel”.
Imbagħad dak li hu bilqiegħda fuq it-tron qal:
“Ara, se nġedded kollox”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Ġw 13:34
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej,
li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin.
Ġw 13:31-33a,34-35
Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann
Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin
il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk
Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu
nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se
ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma
ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li
intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|