Din
hija il-Liturgija tas-Sitt Hadd ta' L-Ghid (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Liturġija tal-Ewkaristija matul dan iż-żmien tal-Għid hija mimlija
espressjonijiet ta’ ferħ, ta’ radd il-ħajr, ta’ gratitudni, waqt li l-Qari
mill-Kotba Mqaddsa jagħtu xeħta ta’ freskezza, ta’ avventura, ta’ ħeġġa li xi
ħaġa ġdida u enormi qegħda sseħħ madwarna.
Dan hu dak li kienu jħossu l-Appostlu u d-dixxipli li emmnu f’Ġesù
f’dawk il-jiem, anzi f’dawk is-snin primittivi tal-Knisja.
Id-dixxipli kienu jiġru mal-Mediterran ixandru l-Aħbar enormi tal-Inkarnazzjoni
ta’ Alla f’suret il-bniedem fil-bniedem Kristu Ġesù. Kienu jpoġġu lill-bnedmin quddiem ir-rejaltà
midinba tagħhom ħaġa li kienet tirrikjedi ħafna kuraġġ għax kull bniedem għandu
s-sigrieti tiegħu, għandu l-moħbiet imdallma tal-Istorja tiegħu. Imma, meta
kienu jaraw li l-Kelma li kienu qed ixandru bil-Qawwa tal-Ispirtu
s-Santu kienet tassew qegħda tmiss il-qlub, kienu mill-ewwel jipproklamaw
l-Aħbar it-Tajba.
U l-Aħbar hija din: Kristu, Iben Alla, u Alla daqs il-Missier, magħqud
miegħU fl-Ispirtu s-Santu, miet għal dnubietna, patta għalihom kollha b’tali
mod li ħadd minna m’għandu għalxiex ipatti, dejjem sakemm aħna nemmnu f’din
l-Opra stupenda ta’ Alla għalina. Mhux
biss. Mhux biss fdiena mill-madmad u
s-saħta tad-dnub u mid-dejn kollu li kellna.
Imma huwa daħal fil-Mewt u ġie
lura rebbieħ fuqha biex kiseb għalina merti bla għadd li jirbħulna
l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda saħansitra minn hawn. Minn hawn stess, permezz tal-Fidi fiH, aħna
niġu ngastati fi Kristu, insiru parti minn Ġismu bil-Fidi. U jekk Kristu mhu se
jmut qatt aktar, aħna, li nagħmlu sehem minnU, anke aħna ma mmutu qatt. Din hi Kelma tiegħu. Din hi Wegħda tiegħu.
Allura dawk li jemmnu f’din l-Aħbar it-Tajba u ma jgiddbux lil Ġesù nnifsu,
jista’ jmut il-ġisem tagħhom, imma għandhom il-garanzija li huma xorta se
jibqgħu ħajjin. Min jagħtihom din
il-garanzija? L-Ispirtu s-Santu. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jixhed lill-ispirtu
tagħna li aħna ħajjin għal dejjem. Dan
kollu jimliena b’ħeġġa li ngħixu kif iridna Hu, għax issa l-Imħabba daħlet
tgħammar fejn qabel, minħabba l-biża’ tal-Mewt, kien jgħammar l-egoiżmu. Din hi l-Aħbar it-Tajba li jxandar
il-Kristjaneżmu. Dan hu li bdew ixandru
Pawlu, Barnaba, Pietru, Luqa, Ġwanni, Titu, Sila u tant u tant dixxipli
oħra. Dan l-Ispirtu rebbieħ fuq il-Mewt,
din l-Aħbar li għaġġbithom għal kollox, tefgħethom f’avventura ġdida u
friska. Saru bħar-riħ li ma tafx mnejn
hu ġej u fejn hu sejjer. Dawn ma kinux
iktar nies “reliġjużi” iżda nies li raw b’għajnejhom u messew b’idejhom ir-Rebħa
fuq il-Mewt u ma setgħux ma jxandrux dak li sabu. Kif jista’ bniedem, midjun, mgħobbi b’sigrieti
koroh, li ltaqa’ mal-ġustifikazzjoni, li sar jaf li bil-Fidi tiegħu f’dak li
kien għamel għalih Ġesù issa sar maħsul, safi, ġust quddiem il-Missier, kif jista’
dan il-bniedem jibqa’ kwiet u ma jsirx Nar li jqabbad nirien oħra ta’ Fidi kull
fejn imur?
U hawn insibu ruħna wiċċ imb’ wiċċ ma’ sitwazzjoni li ftit nisimgħu dwarha,
imma li hi waħda mill-problemi prinċipali tal-Knisja. Anke jekk is-soċjetà ta’ madwarna qegħda ssir
dejjem aktar sekularizzata u qed jintilef is-sens tas-sagru fost tant żgħażagħ
u koppji ta’ mezz’età, xorta għad baqagħlna nies “reliġjużi”, nies tal-knisja,
nies li jemmnu f’Alla, u f’Ġesù, u fil-Madonna u fil-Qaddisin. Xorta għad baqagħlna nies li jersqu lejn
is-Sagramenti u jipparteċipaw fil-ħajja tal-Knisja.
Iżda hemm bżonn nirriflettu, u nirriflettu fil-fond, dwar il-qabża li rridu
nagħmlu mir-“reliġjożità” għall-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu għax hu
dan il-Misteru li jagħmel minna Nsara awtentiċi, xhieda ta’ Kristu, Dawl
għad-dinja mħawda li biha aħna mdawrin. Għax hemm “reliġjożita” li mhix Fidi
adulta. Wieħed jista’ jkun “reliġjuż”
kemm irid, u jiekol l-għatba tal-Knisja, imma mbagħad fid-diċiżjonijiet
importanti li jieħu, jaħseb għal rasu u ma jaġixxix ta’ Kristjan. Hemm divorzju, firda, bejn il-Liturġija li
niċċelebraw fil-knisja u l-mod kif ngħixu meta noħorġu barra.
Ir-“reliġjożità” fiha nfisha hi tajba, u hi don li Alla jitfa’
fil-bniedem. Hi propjament “reliġjożità
naturali”, għax hi skont in-natura.
L-atejiżmu li ma jemminx f’Alla mhux naturali, iżda r-“reliġjożità” li
tgħinek tħossok ċkejken quddiem l-Istorja u ddur lejn Alla biex bil-grazzji
tiegħU jgħinek tgħix fi ftit sliem hawn fuq l-art, dan hu naturali. In-natura nfisha ta’ madwarna tgħidilna,
fis-skiet tagħha, li xejn ma jsir minn xejn u li fil-bidu ta’ kollox kien hemm
Xi Ħadd li beda joħloq dan l-univers meraviljuż.
Imma dan biss ma jagħmlikx “Nisrani”.
Tista’ tkun bniedem ta’ karattru tajjeb li ma trid tagħmel ħsara lil
ħadd. Imma dan biss ma jagħmlikx Nisrani. Tista’ tkun bniedem ta’ Talb, ta’ Karità, ta’
Penitenza. Imma dawn biss ma jagħmlukx
Nisrani.
Nisrani hu dak li fi Kristu twieled mill-ġdid, u dan mhux bil-magics tal-Magħmudija, iżda għax
il-Magħmudija kibret u kibret ġewwa fih.
Nisrani hu dak li mhux biss jaf dwar Kristu, iżda jemmen li fuq
is-Salib, Kristu kien qed iġorr id-dnub tiegħu u kien qed ipatti għalih biex hu
(in-Nisrani) issa hu qaddis fil-qjies li hu jemmen f’dan.
Għalhekk, in-Nisrani jagħraf il-fond tad-dnub tiegħu u ma jinqediex
bid-drawwiet reliġjużi tiegħu biex jinsih u jgħattih. Anzi, jagħraf li hu qatt ma jista’ jpatti
għad-dnub li kkundizzjonah minn twelidu, iżda jrodd ħajr lill-Missier b’qalbu
kollha li bgħatlu lil Ibnu biex ikun il-Ħaruf maqtul bħala tpattija għalih
personali. In-Nisrani huwa dak li jġorr
garanzija ta’ Ħajja għal Dejjem bħal wieħed li għandu ċekk fil-kartiera u jaf
fiċ-ċert li meta jmur il-bank se jagħtuh flus skont kemm għandu miktub fuqu.
Għalhekk, iktar milli “reliġjon”, il-Kristjaneżmu huwa AĦBAR TAJBA
għall-bniedem. Xejn mhu mitlub ħlief li
jittallab għall-Fidi fi Kristu, u jilqagħha bi gratitudni meta tinagħtalu. Din il-Fidi tnissel fih l-Ispirtu s-Santu li
mill-banda tiegħU jagħti qawwa ġdida biex in-Nisrani jkun jista’ jwettaq dak li
jgħid il-Vanġelu.
Il-bniedem “reliġjuż” jipprova jagħmel dan ukoll, imma bil-ponnijiet
tiegħu, bl-isforzi tiegħu, u kemm huma msejkna dawn, jaħasra! Kemm proponimenti
niksru. Mhux għax aħna ħżiena, iżda għax
aħna dgħajfa. Iżda bl-Ispirtu ta’ Dak li
rebaħ il-Mewt ġewwa fina, nagħmlu l-għeġubijiet għax mhux aħna nkunu li
nagħmluhom iżda HU li jgħammar fina.
Qed naraw li hemm differenza enormi bejn li wieħed ikun sempliċiment
“reliġjuż” u ieħor li għandu l-Fidi adulta fi Kristu. Hemm ħafna, ħafna iktar x’wieħed jgħid dwar
dan. Ngħidu biss li bl-Ispirtu ta’
Kristu ġewwa fih, in-Nisrani jasal biex iħobb lill-għadu, biex jifhmu, biex
jgħadru, biex iħenn għalih, biex jiddefendih kif iddefendih Kristu minn fuq
is-Salib. Għax in-Nisrani hu wieħed li
rċieva ħafna, u ma jistax iżomm għalih dak li rċieva gratis, b’xejn.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom
b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ.
Atti 15:1-2,22-29
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, niżlu xi wħud mil-Lhudija u bdew
jgħallmu lill-aħwa: “Jekk ma toqogħdux għaċ-ċirkonċiżjoni skont id-drawwa li
ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw”. Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u
ħaduha magħhom bis-sħiħ; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra
minnhom jitilgħu Ġerusalemm ikellmu lill-appostli u l-presbiteri fuq din
il-kwistjoni.
Imbagħad l-appostli u l-presbiteri, flimkien
mal-Knisja kollha, dehrilhom li kellhom jagħżlu lil xi wħud minnhom u
jibagħtuhom Antjokja ma’ Pawlu u Barnaba. Dawn kienu Ġuda, jgħidulu Barsaba, u
Sila, li kienu minn ta’ quddiem fost l-aħwa.
U bagħtu magħhom din l-ittra: “L-appostli u
l-presbiteri, ħutkom, lill-aħwa ta’ Antjokja, tas-Sirja u taċ-Ċiliċja, li ġew
mill-ġnus; is-sliem għalikom! Aħna smajna li xi wħud min-nies tagħna, mingħajr
ebda ordni tagħna, ġew ħawdukom u qallbulkom moħħkom bi kliemhom. Għalhekk aħna
qbilna lkoll bejnietna u dehrilna li kellna nagħżlu lil xi wħud u nibagħtuhom
għandkom flimkien mal-għeżież tagħna Barnaba u Pawlu, nies li ddedikaw
ħajjithom għall-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk bgħatnielkom lil Ġuda u ’l
Sila, biex jgħidulkom bi kliemhom l-istess ħaġa. Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna
dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu
meħtieġ, jiġifieri, li titbiegħdu mill-ikel issagrifikat lill-idoli, mid-demm,
mil-laħam tal-annimali fgati u miż-żwieġ ħażin. Tagħmlu tajjeb jekk tħarsu
rwieħkom minn dawn. Saħħa!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 66(67):2-3,5,6,8
R/.(ara 3b): Fost il-ġnus Alla wera s-salvazzjoni
tiegħu.
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Iħenn għalina Alla, u jberikna;
idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu!
Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,
fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. R/.
Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,
għax trieġi l-popli bis-sewwa,
u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom. R/.
Ifaħħruk il-popli, o Alla,
ifaħħruk il-popli kollha.
Iberikna Alla, u tibża’ minnu
l-art kollha minn tarf għall-ieħor! R/.
Qari II
L-anġlu wrieni l-Belt il-Qaddisa nieżla mis-sema.
Apok 21:10-14,22-23
Qari mill-Ktieb
tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu
L-anġlu ħadni fl-ispirtu fuq muntanja kbira u għolja,
u wrieni l-Belt il-Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla,
bil-glorja ta’ Alla fiha, tiddi bħal ħaġra mill-aktar prezzjuża, bħal ġaspru
jleqq daqs il-kristall.
Għandha ħajt kbir u għoli, bi tnax-il bieb fih, u
tnax-il anġlu fil-bibien li fuqhom hemm miktuba ismijiet, l-ismijiet
tat-tnax-il tribù ta’ wlied Iżrael. Tlieta minn dawn il-bibien jagħtu għan-naħa
tal-Lvant, tlieta għan-naħa tat-Tramuntana, tlieta għan-naħa tan-Nofsinhar, u
tlieta għan-naħa tal-Punent. U l-ħajt tal-Belt għandu tnax-il pedament, li
fuqhom hemm it-tnax-il isem tat-tnax-il appostlu tal-Ħaruf.
Ebda tempju ma rajt fiha,
għax il-Mulej hu t-tempju tagħha,
Alla li jista’ kollox, u l-Ħaruf.
U l-Belt ma teħtieġ la xemx u lanqas qamar biex
idawluha,
għax biex iddawwalha għandha l-glorja ta’ Alla,
u l-musbieħ tagħha l-Ħaruf.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 14:23
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid
il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
L-Ispirtu s-Santu jfakkarkom dak kollu li għedtilkom
Ġw 14:23-29
Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk
xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru
għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu
mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.
Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma
d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox
u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom. Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom
is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom
titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: ‘Jiena sejjer u nerġa’ niġi
għandkom’. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax
il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta
jseħħ temmnu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|