Sunday, 03 July 2022
           
Home
IS-SEBA’ HADD TAL-GHID (2022) IS-SOLENNITÁ TA’ TLUGH IL-MULEJ FIS-SEMA (LAPSI) PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 28 May 2022

Din hija il-Liturgija tas-Seba' Hadd ta' L-Ghid ( Is-Sollennita' ta' Tlugh il-Mulej fis-Sema ) (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

jesus_ascending_to_heaven-1700.jpg

 

Dan il-Ħadd ipoġġi quddiemna waħda mill-akbar Festi tal-Knisja, dik li missirijietna kienu jsejħulha “Lapsi” u li hija t-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema.  Ftit huma dawk li jagħtuha importanza; tidher festa sekondarja x’ħin tqabbilha mal-Pentekoste li riesaq u iktar u iktar mal-Għid u l-Milied.  Imma għandha raġun il-Knisja tgħixha din il-Festa b’mod qawwi għax tkellimna fuq veritajiet fundamenali tal-Fidi tagħna.  Il-Festi kollha huma kateketiċi, jikkatekizzaw, isaħħu fil-Fidi, u din mhix inqas.  Ewsebju, storiku tal-Knisja primittiva li għex bejn it-tielet u r-raba’ sekli isemmiha fil-kitbiet tiegħu, waqt li S. Wistin, li għex ftit wara Ewsebju, jitkellem dwarha bħala Festa universali mal-Knisja kullimkien, u li kellha l-Vġili solenni tagħha bħall-festi l-kbar l-oħra.

 

Hija ġġib fi tmiem mhux biss il-missjoni fiżika ta’ Kristu fuq din l-art (speċi l-kontra tal-Milied), imma tagħlaq ukoll żmien fundamentali għall-Appostli u għall-Knisja li kienet qegħda tissawwar.  Mill-Għid il-Kbir sa Lapsi għaddew erbgħin jum, erbgħin jum mimlijin esperjenzi ta’ barra minn hawn.  L-Appostli tbellhu b’dak li għadda minn għalihom f’dan iż-żmien.  Huma draw bil-Mulej, li raw imsallab u difnuh huma stess, issa jsibuh f’nofshom f’daqqa waħda, darba wara darba, jisimgħuH, ikellmuH, jieklu miegħU, imissuH. 

Dawn kienu esperjenzi totalment kontra n-natura, diffiċli għall-moħħ uman biex jassorbihom kollha.  Kristu kellimhom ħafna fuq il-Ħajja ta’ Dejjem, fuq il-Knisja, fuq il-ġerarkija tagħha, fuq l-Evanġelizzazzjoni tal-ġnus u, fuq kollox, li kellhom bżonn l-Ispirtu ta’ Alla nnifsu sabiex jiċċaralhom dan kollu.  Kellhom bżonnu wkoll l-Ispirtu s-Santu biex  jagħtihom il-kuraġġ u l-awtorità għax fit-taħwid tagħhom kellhom qalbhom mimlija tħassib u nkwiet fuq il-missjoni li kienu jafu li se jidħlu għaliha.

 

Kollox kien ġdid għalihom.  Min se jlumhom jekk ħassew id-dinja ddur bihom, mifxula, imħawda, kull tant jiddubitaw jekk kinux f’sensihom jew le?  U wasal l-erbgħin jum wara dak il-Jum imbierek tal-Qawmien tiegħU, u Hu ħadhom miegħu ħdejn Betanja, u hemm, wara li  bagħathom biex ikunu xhieda tiegħu fid-dinja kollha, rawH jitbiegħed minnhom u jittieħed lejn is-Sema.  U kif kienu hekk, ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu, żewġt irġiel lebsin l-abjad qalulhom li Ġesù kellu jerġa’ jiġi darb’oħra, fl-aħħar taż-żmien.

 

Huwa l-Ispirtu s-Santu li kellu jdawwal kollox.  Ġesù, qabel ħallihom enfasizza l-importanza li huma ma jagħmlu xejn għalissa ħlief jistennew l-Ispirtu s-Santu.  Kemm kien importanti dan!  Ġie li għidniha f’dawn il-kitbiet li d-dehra ta’ Kristu mqajjem mill-Mewt għaġġbet u ferrħet lill-Appostli, iżda, u din hi kurżità, din l-esperjenza ma bidlithomx minn ġewwa.  Baqgħu jibżgħu bħal qabel; baqgħu egoisti; baqgħu iħossuhom mhedda;  baqgħu ma jistgħu jifhmu xejn mill-Misteru tal-Missjoni ta’ Ġesù, tant li mumenti qabel ħallihom għall-aħħar darba, huma staqsewH:  “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”  (Atti 1, 6).  Kienu għadhom joħolmu bis-Saltna politika ta’ Iżrael, bil-poter tad-dinja eċċ.  Il-Mulej ftit ta kas ta’ dan għax Hu kien jaf x’bidla kien se jġib fihom  l-Ispirtu s-Santu, li jibdel lill-bniedem fil-qalb tiegħu u jagħtih viżjoni ta’ kulma jiġri fid-dinja differenti minn dik li kellu qabel.

 

L-Appostli kienu nies “reliġjużi”, imma kienu għadhom mhumiex Kristjani.  Reliġjuż issir skont in-natura għax ir-reliġjożita hi naturali.  Ir-reliġjuż jistenna l-mirakli fiżiċi, jemmen f’dak li jara b’għajnejh u jmiss b’idejh.  L-Appostli għaddew minn din il-fażi tal-konverżjoni għax għexu tliet snin ma’ Ġesù u dawn kienu mimlijin daqs bajda.  Huma raw ħafna mirakli fiżiċi, u l-ikbar miraklu kien ir-ritorn ta’ Kristu wara l-Mewt tas-Salib. 

 

Imma jkollna ngħidu li l-affarijiet li naraw u mmissu b’idejna jimmarkaw il-qalb b’mod superfiċjali.  Kristu kien jaf li l-bidla l-kbira f’qalbhom kellha sseħħ biss permezz tal-Miraklu Morali, tad-Dawl li kellhom jirċievu f’qalbhom mill-Ispirtu s-Santu.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li kellu jibdilhom minn nies egoisti u ambizzjużi bħall-oħrajn, f’nies kollhom kuraġġ, b’Nar jaqbad f’qalbhom bl-Imħabba għal Alla u l-bnedmin.  Kristu kien kellemhom fuq din l-esperjenza li kienet riesqa lejhom.  Il-Qari mill-Atti tal-lum jgħid li Ġesù “ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, ‘li fuqha’, qalilhom, “smajtu x’kont għedtilkom.  Jiġifieri, li Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.’”  (Atti 1, 4-5).  Din kienet il-Magħmudija li kellha tibdilhom.

 

Huwa n-Nar li kellhom jirċievu f’din il-Magħmudija tal-Pentekoste li welled tassew il-Knisja, li għamel minn dawn it-tnax, Ġemgħa waħda magħquda fi Kristu, mogħtija kollha kemm hi għax-Xhieda ta’ Ġesù.  Kien fid-Dawl tal-Ispirtu li sa fl-aħħar fehmu kollox.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħmel minna nies ġodda.  Hu mbierek il-bniedem li dejjem jitlob l-ikbar Grazzja li jista’ jagħtih il-Missier: ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu li jdawlu għal kollox dwar dak li għamel għalih l-Iben ta’ Alla.  Għax ir-reliġjon u l-katekiżmi jagħtuna ħafna, ħafna tagħrif dwar il-Mulej, imma laqgħa ħajja miegħu isseħħ biss bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.  Wieħed jista’ jkun jaf kollox u ma jkun jaf xejn.  Għax lil Kristu ssir tafu b’mod intimu meta jdawlek dwarU l-Ispirtu s-Santu.

 

Infatti l-Mulej qal lil ta’ madwaru: “Ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex jekk a mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur nibgħatulkom.”  (Ġw. 16, 7).  Hawn il-Mulej qiegħed jgħid xi ħaġa profonda ħafna.  Irid jurina li l-Preżenza spiritwali hi iktar qawwija mill-Preżenza fiżika.  Għal tliet snin għex il-ħin kollu mal-Appostli, u issa kien se jħallihom, imma wegħedhom li waħedhom mhux se jħallihom żgur, anzi l-Ispirtu tiegħU li se jibagħtilhom kien se jagħmlu iktar qrib għax biH Hu kien se jgħammar fihom issa.  Ħafna jgħidu: jekk nara, nemmen.  Qegħdin jidħku bihom infushom.  Min għandu l-Fidi vera ma jemminx għax ra xi ħaġa bl-għajnejn fiżiċi tiegħu, jew għax xi ħadd ippruvalu l-verità ta’ dak li jemmen, imma għax fih seħħ Misteru.  Fih irċieva xhieda mingħand l-Ispirtu s-Santu dwar li Ġesù  hu l-Iben ta’ Alla u li hu s-Salvatura tad-dinja, u din il-Fidi li tiġi mill-Ispirtu s-Santu ma jisraqhielu ħadd, lanqas bit-theddid tat-torturi u l-martirji.

 

Dan kollu tenfasiżżah din is-Solennita tal-lum.  Tenfasiżżah u tiċċelebrah, tagħmel festa minnu!  Il-Knisja tifraħ illum għax barra mill-istennija tal-Ispirtu, illum tiċċelebra fatt tal-għaġeb.  Kristu tela’ fis-sema b’ġisem bħal tagħna!  Aħna l-bnedmin ġa ninsabu fis-Sema, f’dan il-post li ħadd ma jaf x’inhu jew fejn hu, għax wieħed minna, Ġesù, jinsab hemm b’laħam u għadam bħal tagħna.  U bħalu wkoll Ommu, l-Verġni Marija, tgħallimna l-Knisja. 

 

Dan hu l-post li għalih ġejna maħluqin.  Dan hu l-post li għalih ġejna mgħammdin.  Dan hu l-post li hu Pajjiżna, li hu tagħna bi dritt mhux għax jistħoqqilna, jew għax nirbħuh aħna, iżda għax rebħu għalina Kristu bil-Merti tiegħu.  Huwa HU li jimmeritalna l-Ġenna, u allura l-Ġenna hija tagħna, bil-Bieb tagħha miftuħ beraħ quddiemna.  Ir-rebħa ġa hi tagħna, għax id-Demm ta’ Alla ġie mxerred kollu kemm hu b’risq tiegħi u tiegħek u ta’ kull bniedem.  Il-prezz ġa tħallas u l-kuntratt sar!  Kemm aħna xortina tajba!  Bla ma jistħoqqilna qegħdin xi erbgħa jew ħames goals minn fuq u baqa’ biss ħames minuti logħob!  Kieku l-Ingliżi jgħidu li “it is ours to lose”.  Nistgħu nitilfuha, imma għax irridu nitilfuha.  Il-Knisja tiċċelebra l-funerali ta’ dawk li jemmnu fil-Grazzja ta’ Kristu, u tgħodd jum il-Mewt tagħhom bħala d-“Dies Natalis”, Jum it-Twelid tagħhom għall-Ħajja l-vera.

 

Quddiem it-tħassib dwar il-futur tagħna, Ġesù jagħmlilna l-qalb u jgħidilna biex ma ninkwetawx.  Waħda mill-karatteristiċi tal-bniedem tal-Fidi huwa  li hu ma jinkwetax.  Hawn ħafna nies “reliġjużi” li jinkwetaw, imma Nisrani veru, Kristjan veru, ma jinkwetax.  Ġesù jgħidlna: “Tħallux qalbkom titħawwad!  Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll.  Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom.  Sejjer inħejjielkom fejn toqogħdu.  U meta mmur u nħejjielkom post, nerġa’ niġi neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.”  (Ġw. 14, 1-4).  Ġesù jitlobna biex nemmnu Kliemu.  Hemm ħafna postijiet, qal, u dan hu tassew, għax il-Merti tiegħu huma kbar biżżejjed biex isalva kulħadd bihom.  L-omm tad-dnubiet kollha hi li  dan hu tqil għalina li nemmnuh; fid-dinja dejjem rajna l-kuntrarju: li kull ħaġa tajba li akkwistajna kellna nitħabtu bis-sħiħ għaliha, u sikwit nitħabtu għalxejn.  Imma Ġesù bata għalina biex immeritalna l-Ġenna għal dejjem, u dawk li huma mdawlin fuq dan, isiru nies ġodda li hu naturali għalihom li jgħixu kif iridhom Dak li għamel tant għalihom.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh.

Atti 1:1-11

Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.

Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha – qalilhom – smajtu x’kont għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”.

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”. Hu weġibhom: “Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art”.

Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 46(47):2-3,6-7,8-9

R/.(6): Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ.

jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

 

Popli kollha, ċapċpu jdejkom,

għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!

Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,

sultan kbir fuq l-art kollha. R/.

 

Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,

il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

Għannu lil Alla, għannu,

għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.

 

Għax Alla s-sultan tal-art kollha:

għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,

joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.

Qari II

Kristu daħal fis-sema stess.

Lhud 9:24-28; 10:19-23

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja. Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher darb’oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.

Ladarba, ħuti, għandna l-fiduċja li nidħlu fis-Santwarju bis-saħħa tad-demm ta’ Ġesù billi ngħaddu mit-triq, ġdida u ħajja, li hu fetħilna ’l ġewwa mill-velu, li hu l-ġisem tiegħu stess; u ladarba għandna dan il-qassis il-kbir imqiegħed fuq il-familja ta’ Alla, ejjew nersqu b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa, bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina u l-ġisem tagħna maħsul b’ilma safi. Inżommu sħiħ fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax ta’ kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 28:19a,20b

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.

Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.

R/. Hallelujah.

Evanġelju

Huwa u jberikhom, kien meħud fis-sema.

Lq 24:46-53

Għeluq tal-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu”.

Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ jdejh u berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >