Din
hija il-Liturgija ta' Ghid il-Hamsin - Pentekoste (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Festa kbira ta’ Għid il-Ħamsin, (bil-Grieg: Pentekoste), hi festa ferm antika u bħall-Festa tal-Għid għandha
għeruq qodma, anke agrikoli, meta l-bniedem kien jiddependi għal kollox
mill-frott tal-art li kien jiżra’ hu stess.
Fil-bidu kienet festa ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-ħsad li kien ikun
fl-aqwa tiegħu f’dan iż-żmien. Imma
Iżrael għaraf ibiddel it-tifsira tal-festi tiegħu skont l-Istorja tiegħu li
fiha hu ra lil Alla jaħdem, ġarrab il-Preżenza, ix-Xekinah ta’ Alla fil-qalba
tiegħu. L-Għid ukoll kien festa
agrikola, imma meta Iżrael ġie maħruġ minn Alla mill-Eġittu fi żmien l-Għid,
din saret il-Festa tal-miraklu enormi li Alla kien wettaq miegħu. L-istess ġara lil Għid il-Ħamsin, għax madwar
ħamsin jum wara l-ħruġ mill-Eġittu, Iżrael waqqaf il-kampijiet tiegħu f’riġlejn
il-Muntanja Sinaj.
Kien hawn li Iżrael ġarrab it-tieni manifestazzjoni tal-Imħabba ta’
JHWH għalih. Kien hawn li Iżrael daħal f’Patt mal-Mulej u
għaraf li hu kien il-poplu magħżul tal-Ħallieq minn fost il-popli kollha. Dan il-Patt kien li ta lil dan il-Poplu
identità mill-aqwa, karattru mibni fuq il-Liġi li Mosè waslilhom, l-Għaxar
Kelmiet tal-Ħajja, li l-Mulej tah, waqt li rwiefen, nirien, daqq ta’ trombi
misterjużi, u terremoti urew f’għajnejn il-poplu l-qawwa ta’ Alla u xejn
dgħajfa tal-bniedem. Minn dak in-nhar
il-Pentekoste saret il-Memorjal tal-Patt ma’ Alla, il-Festa tal-Kelma,
tar-rimblu tat-Torah.
Għal-Lhud il-festi kollha kienu Memorjal ta’ xi ħaġa jew oħra, u din
it-tradizzjoni wirtitha l-Knisja, anke jekk ftit li xejn tinfiltra fost
il-poplu. Memorjal huwa meta int
tiċċelebra ħaġa misterjuża li tkun ġrat qabel imma qed terġa tiġri waqt li
qiegħed tiċċelebraha. Eżempju prim ta’
dan għandna l-Ewkaristija, li waqt lil l-Ġemgħa tiċċelebra l-Misteru tal-Għid
ta’ Kristu, il-Mewt u l-Qawmien tiegħU, dawn jerġgħu jiġġeddu, jseħħu għal
darb’oħra misterjożament dak il-ħin stess u jerġgħu jintrebħu l-Merti kollha li
Kristu rebaħ għalina meta għex f’ġismu stess l-Għid, fuq elfejn sena ilu.
F’Għid il-Ħamsin, Iżrael jgħix mill-ġdid, bħall donnu qed iseħħ issa,
l-għażla tiegħu bħala l-poplu ta’ Alla.
Imma din l-Għażla l-Mulej fil-Ħniena mmensa tiegħU firixha fuq il-ġnus
kollha mal-wasla tal-Messija. Hekk kif
f’Għid il-Ħamsin Iżrael intrabat f’Patt li bih sar il-Poplu ta’ Alla, fl-istess
Festa, Alla waqqaf il-Knisja, il-Poplu Ġdid mifdi minnU. Fejn qabel ir-rahan tal-Patt kienet il-Liġi
li l-bniedem malajr induna li ma jistax jobdiha bis-saħħa tiegħu ta’ bniedem
dgħajjef, issa r-rahan il-ġdid huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħti Ħajja Ġdida,
Natura Ġdida, kapaċità, li qabel il-bniedem ma kellux, li jagħmel ir-rieda
tal-Missier. Għalhekk illum, il-Poplu
miksub minn Kristu, li jemmen fi Kristu u fl-Għid tiegħU, jerġa’ għix dan
il-Memorjal sublimi tal-inżul tal-Ispirtu fuq l-aħwa-membri tal-Knisja.
Issa nafu tajjeb li l-Ispirtu s-Santu ma nistgħux norbtuh biss ma’ din
il-Festa. Hu jaħdem il-ħin kollu, lejl u nhar u s-sena kollha, minn
ġenerazzjoni għall-oħra. Hu jmiss
il-qlub tal-bnedmin u jrattabhom biex jilqgħu il-Grazzja tiegħu. Imma b’mod partikulari l-Knisja tatina l-parir
siewi li nishru iktar minn qatt qabel f’din il-festa, f’dan il-Memorjal. Min jishar u jittallab, u jixxennaq
għall-Ispirtu, u jissieħeb fil-Liturġija jew f’xi Velja, fejn din issir, allura
jista’ jġarrab xi jfisser Memorjal.
L-Ispirtu lkoll ħadnih fil-Magħmudija u ġie kkonfermat fina iktar tard
mill-Isqof. Imma dan ma jfixkilx
mill-istennija tan-Nisrani għall-infuzjoni ġdida, dejjem akbar tal-Ispirtu
s-Santu f’Ħajtu. Hemm proċess dejjiemi
ta’ dak li seħħ fil-Magħmudija. Din trid tikber matul Ħajjitna. L-istess l-Ispirtu li rċivejna bħala
żerriegħa.
Il-Profeti ġa kienu ħabbru minn qabel li għad jasal żmien meta l-Mulej ma
jiktibx il-Liġi tal-Ħajja fuq it-twavel tal-ġebel bħalma għamel fl-ewwel Għid
il-Ħamsin, iżda f’laħam qalb il-bniedem.
L-esperjenza kollha ta’ Iżrael għallmitu li l-Liġi ma tistax tingħax
mill-bniedem jekk ma jsirx umli, jħabbat fuq sidru li hu midneb min-natura
tiegħu, u jittallab mingħand Alla l-Ispirtu tiegħU li jagħmlu kapaċi li jgħix
mhux biss il-Liġi ta’ Mosè iżda dak li hu aktar impossibbli: id-Diskors
tal-Muntanja. Hu ċar li din il-ħaġa
sseħħ meta l-bniedem jitwieled mill-ġdid fl-Ispirtu, kif jgħid il-Vanġelu; meta
l-Ispirtu jsir fih għajn tnixxi ilma tal-Ħajja ġewwa fih.
L-Appostli nġabru mal-Verġni Marija Omm Ġesù fiċ-Ċenaklu biex jiċċelebraw
matul il-lejl il-Velja ta’ din il-Festa. Ekku, Iżrael kien jiċċelebra l-festi
mportanti tiegħu matul il-lejl biex joħroġ iktar ċar is-sinjal ta’ poplu li qed
jistenna lil Alla li jgħaddi. Din
it-tieni manifestazzjoni tal-Ispirtu tal-Mulej, aqwa saħasitra minn dik
tas-Sinaj, saret fiċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalemm.
Kien filgħodu, fi tmiem il-Velja tagħhom, li dawn it-tnax il-raġel saru
nies ġodda, waqt li riefnu għeżżeż id-dar u nirien dehru fuqhom, l-istess
sinjali li kienu dehru fuq is-Sinaj.
Huma saru Knisja! Twieldet
il-Knisja, li hi l-Ġemgħa tan-nies li fihom jgħammar l-Ispirtu s-Santu bid-doni
kollha tiegħu. Din hi s-Setgħa qawwija
tal-Ispirtu s-Santu. M’hawn xejn li fl-univers maħluq jisboq lilu għall-Qawwa
tiegħu. Ħadd ma jista’ jibdel qalb
il-bniedem bħall-Ispirtu s-Santu. Hu
biss jibdel il-blat f’laħam tari tal-qalb.
Xi jfisser dan? L-Ispirtu s-Santu
jagħmilna wlied Alla. Smajniha ħafna
drabi din! Ulied Alla huma dawk li
għandhom l-istess natura ta’ Alla, ħbieb intimi ta’ Alla, qaddisin. L-Ispirtu s-Santu jagħtina s-setgħa li nħobbu
fil-qjies ta’ Alla. Jekk din tidhirlek
li hi esaġerazzjoni, tinkwetax. Dan hu
xogħol Alla mhux xogħolok. Aħna
l-bnedmin inħobbu f’sura limitata ħafna, għax minħabba l-biża’ li għandna mill-Mewt,
meta l-ieħor, bid-difetti tiegħu, jagħmlilna l-ħsara, joqtolna, ma nistgħux
inħobbuh, irridu nagħmlu vjolenza kontrih, ġustizzja. “Għandu bżonn jitgħallem!” ngħidu. Ma
nistgħux inġergħuh għax qed jeqridna.
Għalhekk in-nies tirrabbja; titla’ l-Qorti; miġġewġin jiddivorzjaw, għax
ma jifilħux din l-arja ta’ theddida f’Ħajjithom.
Ir-reliġjonijiet kollha tad-dinja huma mdeffsin f’din il-qagħda skont
in-natura ta’ Adam. Huma jippruvaw
jikkontrollaw lill-bniedem bla ma jagħtuh tama ta’ bidla fl-attaġġjementi
tiegħu. In-novità kbira
tal-Kristjaneżmu, li wettaq Ġesù Kristu, Alla mlibbes laħam il-bniedem, hija li
meta l-vjolenza, it-theddid, ir-rabja, l-inġustizzja tan-nies waqgħet fuqU, Hu
ma waqafx għal dan kollu, ma ddefendiex ruħu quddiem dan kollu, imma ħa fuqu
d-dnub tad-dinja, u d-dnub tad-dinja miet fiH, baqa’ fiH. Inkiser iċ-ċirku ta’ inġustizzja-tpattija,
inġustizzja-tpattija. Dehret Imħabba
ġdida fuq il-pjaneta li taħsad u tissorprendi.
Il-Liġi kienet tgħid li min jidneb ħaqqu l-kastig, sikwiet il-Mewt. Imma fi Kristu, Alla wieġeb għad-Dnub kollu
tal-umanità billi ħa fuqu l-kastig tal-Liġi biex il-bniedem jiskansaha. Dan hu l-Ispirtu s-Santu. U l-Missier qajjem lil-Ibnu maqtul mid-Dnub
tiegħi u tiegħek u għamlu dan l-Ispirtu s-Santu li jitferrex fuq dawk kollha li
jemmnu fiH. Hekk dan il-Misteru ta’
Mħabba lejn l-għadu huwa l-Ispirtu s-Santu li jinfirex fi qlub dawk li jriduH.
In-nies li huma maħruqa min-Nar tal-Ispirtu s-Santu, l-ħin kollu jinterċedu
għad-dinja l-istess kif għamel l-Iben fiq is-Salib. In-Nisrani itkarrab quddiem Alla favur
l-għadu tiegħu u jgħidlu: “Missier, tgħoddulhomx dan id-dnub! Ma jafux x’inhuma jagħmlu! Aħfrilhom!”
Dan hu t-twettiq tal-Liġi li qabel ma kienx possibbli, iżda li issa
tidher fost il-bnedmin permezz tal-Ispirtu s-Santi mixtri għalina mill-Merti
ta’ Kristu. Dan hu ttwettiq
tat-Torah. Dan hu l-Ferħ.
X’ħin tiftakar li lkoll kemm aħna għandna ż-żerriegħa ta’ dan l-Ispirtu
qalbieni mogħti lilna bi Grazzja fil-Magħmudija, tistagħġeb tassew! Iktar kemm tikber din iż-żerriegħa qaddisa
ġewwa fina bl-għajnuniet li tagħtina l-Knisja, bis-smigħ tal-Kelma,
bis-Sagramenti u affarijiet oħra, iktar tikber fina l-konvinzjoni li l-Mewt ma
tistax toqtolna għax Kristu rebħilha.
Iktar kemm insir parti minn Kristu, ingastati fih b’Magħmudija dejjem
tikber, iktar aħna hielsa mill-biża’ tal-Mewt.
Dak li nafu li mhux se jeqridna ma jbeżżagħnix aktar. Malli nfiqu mill-biża tal-Mewt fil-ġewwiei tagħna,
allura nieqfu milli nkunu egoisti, ninsew lilna nfusna għax mhemmx għalfejn
tiddefendi ruħek iktar, u noħorġu lejn l-“ieħor” li għandu bżonna, li għandu
bżonn il-Maħfra tagħna. Iseħħ il-Għid
fina!
Kull min iħobb fil-qies ta’ Kristu ma jmut qatt. Kristu hu Ħaj għal dejjem għax hu din
l-Imħabba. Dan hu mwiegħed lilna b’mod solenni
minn Alla. Huwa għalhekk li
l-Kristjaneżmu, il-Knisja, huma aktar minn “reliġjon”. Għax ir-reliġonijiet kollha, anke dik Lhudija
li fiha trabba Ġesù, jisstrieħu fuq il-bniedem, fuq il-qawwa tiegħu. Hu veru li jitlob l-għajnuna ta’ Alla, imma
fl-aħħar mill-aħħar hu jrid ikun biex ikun ġust, biex isalva. Imma Kristu ġie biex iċarrat il-Purtiera
ħoxna li kienet tgħatti d-dehra tal-Verità u ndunajna li mhux iktar b’xi sforz
soprannaturali tagħna, mhux bil-ponnijiet tagħna, li jista’ jkollna dan l-Ispirtu,
imma b’Talba umli, mimlija sabar u persistenza, biex il-Mulej jagħtina l-istess
Spirtu tiegħu. U l-bniedem jinbidel
f’Alla! Dan hu l-Ispirtu s-Santu! Ġesù tela’ fis-Sema u qiegħed ħdejn
il-Missier joffri l-pjagi tiegħU b’interċessjoni għal kull min jixxennaq dan
l-Ispirtu.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu.
Atti 2, 1-11
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll
flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u
mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li
tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u
bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.
F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn
kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra
kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu
bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin
jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed
jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies
mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja,
mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni,
nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab,
aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 103 (104), 1ab.24aċ.29bċ-30.31.34
R/. (30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded
il-wiċċ tal-art
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek. R/.
Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.
Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi. R/.
Qari II
Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla.
Rum 8, 8-17
Qari mill-ittra ta’
San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, dawk li jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux
jogħġbu lil Alla. Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma
tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma
għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu.
Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu
mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja. Jekk
l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla
stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet
tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.
Hekk mela, ħuti, aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem
biex ngħixu skont il-ġisem. Għax jekk
tgħixu skont il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu,
tgħixu. Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom
ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’,
imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna
nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”. Dan l-Ispirtu jixhed
flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll
werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu,
biex miegħu nkunu gglorifikati.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Sekwenza
Spirtu s-Santu, ejja fina,
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.
Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.
Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena xħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.
Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;
jekk imħeġġa wisq, trażżanna;
mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.
O dawl hieni ta’ qdusija,
nitolbuk li bik mimlija
tkun il-qalb ta’ kull fidil.
Mingħajr dawlek li jmexxina
ebda ħajr ma jkun hemm fina,
ebda safa fl-għemil.
Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.
Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.
Agħti s-seba’ doni tiegħek
lil min jimxi fidil miegħek
u li fik jistrieħ kull ħin.
Agħti ’l kull virtù sabiħa
ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,
agħti l-ġenna lit-tajbin.
Ammen. Hallelujah.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejja, Spirtu s-Santu,
imla l-qlub tal-fidili tiegħek
u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.
R/. Hallelujah
Evanġelju
L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom kollox.
Ġw 14, 15-16. 23b-26
Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk
tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu
jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem. Jekk xi ħadd iħobbni,
iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma
jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma
tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur,
l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom
dak kollu li għedtilkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|