Sunday, 03 July 2022
           
Home arrow Home
SOLENNITÁ TAT-TRINITÁ QADDISA (2022) IMHABBA LI TINAGHTA, TINAGHTA, TINAGHTA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 12 June 2022

Din hija il-Liturgija  tas-Sollenita' tat-Trinita Qaddisa (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 god-as-trinity-part-2.jpg

 

L-Insara kollha, imferrxin f’diversi Knejjes u Komunjonijiet Insara, huma fil-fatt aħwa, ulied ta’ Magħmudija waħda fi Kristu, u fil-qalba tal-qalba tal-Fidi tagħhom, għandom ukoll twemmin wieħed.  Għax jekk inti Kattoliku, jew Ortodoss, jew membru ta’ xi Knisja/Komunjoni Protestanta, ilkoll nemmnu f’Alla Wieħed imma li hu tliet Persuni distinti.  Dan aħna nammettu li hu Misteru lil hemm mill-moħħ ċkejken tagħna u Alla jitlob minna li nagħmlu din il-qabża fl-umiltà u nemmnu dak li ma nistgħu qatt nifhmu... ħaġa mhix faċli, speċjalment għall-bniedem tal-lum li jemmen li b’moħħu jista’ jasal għal kollox!

 

Huwa l-Mulej tagħna Sidna Ġesù Kristu li wriena din il-Verità moħbija fil-qalba taż-żmien.  F’ħafna waqtiet tal-Vanġeli, Ġesù jenfasizza t-Trinità Qaddisa u l-aħħar kelmiet tiegħu fuq il-pjaneta tagħna kienu:  “Morru mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.”  (Mt. 28, 19).  La aħna Kristjani, aħna nemmnu f’dak kollu li qal u għamel Ġesù, u kif jista’ jkun li naħsbu li kien qed jiġdeb meta poġġa lilu nnifsu ħaġa waħda mal-Missier u l-Ispirtu li jgħaqqadhom flimkien?

Jien inħoss li min tinagħtalu l-Fidi, jaċċetta bla wisq taħbit din ir-rivelazzjoni dwar in-natura ta’ Alla.  Iżda kien hemm żmien fl-ewwel sekli tal-Knisja meta kienu qamu kontroversji fuq in-natura ta’ Alla u ta’ Kristu li wasslu għal ereżiji u firdiet.  Għalhekk il-Knisja kellha tlaqqa’ Konċilji biex tissiġilla għal dejjem il-Verità kif twasslet lilha ħalli tevita iktar inkwiet u hekk twieldu diversi Dommi tal-Knisja li min ma jaċċettahomx jinqata’ minnha. 

 

Nagħrfu wkoll li iktar ma nersqu lejn Alla bil-Fidi u fl-intimità tal-Imħabba, iktar nindunaw bl-immensità tiegħU li aħna ma nistgħu qatt inħaddnu fiċ-ċokon tagħna.  U hekk għandu jkun!  Alla hu Alla, waqt li aħna ħlejjaq tiegħU niddependu għak kull nifs minnU.  Għandu raġun is-Salm Responsorjali tal-lum jipproklama: “O Mulejja, Alla tagħna, kemm hu kbir l-Isem tiegħek fuq l-art kollha!”  (S. 8, 1).  U iktar ’l isfel ikompli jgħid: “Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int qegħidt fihom!  X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem, biex taħseb fih?”  (S. 8, 4-5). 

 

Għax tassew li l-ħolqien ikanta l-Glorja ta’ Dak li ħalqu.  Imma l-Fidi tagħna trid tkun mibnija iktar fis-sod.  Il-Fidi hi Rigal ta’ Alla nnifsu.  Hi Grazzja misterjuża.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li jixhed għall-Missier u għall-Iben fil-profond tal-personalità tagħna.  L-Ispirtu jixhed lilna, idawwalna, iħeġġiġna, jimbuttana biex nixxennqu għal Fidi dejjem ikbar, Fidi li ma jkollhiex bżonn ta’ “provi” jew “raġuni”, iżda tkun Fidi mibnija fuq l-Istorja li fiha int tkun iltqajt miegħU. Ħadd ma jista’ jisraqhielek Fidi bħal din!  Għal Abraham, il-Fidi kienet it-tifel li twelidlu, hu li ma setax ikollu tfal minn martu.  Fatti!  

 

U barra minn dan, l-Ispirtu s-Santu li nissel f’laħam il-bniedem lill-Iben ta’ Alla minn ġuf Marija; li mlieH bil-qawwa u l-Glorja; li ħadu biex jitqabad fid-deżert mal-ispirtu tal-ħażen; li wrieħ it-triq li riedu jimxi l-Missier, it-triq tal-Misteru tal-Għid; dan l-istess Spirtu huwa Sid l-Istorja tagħna u jkellimna l-ħin kollu biha.  Hu jsawwarna fi Nsara Adulti permezz tal-Ġrajjiet li jgħaddina minnhom, sbieħ u koroh.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li fl-aħħar mill-aħħar jagħtina d-Dawl biex niftħu fommna u nixhdu li f’qalbna aħna nemmnu li Kristu Ġesù hu l-Mulej għall-Glorja ta’ Alla l-Missier!

 

Togħġobni l-Kolletta tal-lum, l-ewwel Talba tal-Ewkaristija, li tibda bil-kelmiet:  “O Alla Missier, inti bgħatt fid-dinja l-Kelma tal-verità u l-Ispirtu tal-qdusija...”  Il-Missier hu Mħabba li ma setgħetx iżżomm lilha nnifisha għaliha, magħluqa ġol-fosdqa tagħha, imma tferrxet u inagħtat billi ħalqet, u kulma nħalaq minnha hu maħbub bi Mħabba Eterna, li ma tmut qatt.  Din l-Imħabba li hi l-Missier awtomatikament tegħleb il-Mewt għax hi Alla u hi eterna, hi għal dejjem.  Dan hu l-għerq tal-Fidi tagħna fil-Ħajja bla tmiem.  L-Imħabba li hi Alla ma tistax tħobb it-trab u l-irmied li jibqa’ minna fil-qabar.  Hi taqleb il-ġebla tal-qabar, l-ewwel tal-Iben, imma tagħna wkoll! 

 

Kollox jeħodna għal għand il-Missier, li minnU ħriġna u fiH ngħixu għal dejjem.  Kristu fdiena biex aħna mmorru għand il-Missier.  L-Ispirtu s-Santu jqaddisna biex aħna mmorru għand il-Missier.

 

Fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù jgħid: “Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi.”  (Ġw. 16, 15).  Il-Lhud għedewwa tiegħU fehmuh tajjeb dan il-Kliem, u fehmu tajjeb ukoll frażijiet oħra mxerrdin ’l hawn u ’l hemm fil-Vanġeli.  Bħal meta qal: “Tassew, tassew ngħidilkom, qabel ma kien Abraham, jien hu.”  (Ġw. 8, 58).  “JIENA HU”, (JHWH), huwa l-Isem ta’ Alla irrivelat lil Mosè minn ġol-għollieq jaqbad bla ma jinħaraq. Kien għalhekk li iktar minn darba qabdu l-ġebel biex iħaġġruh, kif kienu jagħmlu lil kull min jidgħi, u kien għalhekk li kaxkruh quddiem Pilatu għax, qalu huma: “Hu li hu bniedem, qed jagħmel lilu nnifsu Alla!”  Il-Qassis il-Kbir, ir-Rappreżentant tal-Poplu quddiem Alla ċarrat ħwejġu fis-Sinedriju għax fehem li Ġesù kien qed jixhed li hu u l-Missier kienu l-istess “ħaġa”.

 

Kristu huwa l-Kelma li toħroġ minn fomm Alla u taħlaq, u tagħti l-Ħajja, u tinagħta l-ħin kollu, għax tħobb.  “Verbum Dei Caro Factum Est”,  “Il-Kelma ta’ Alla Saret Laħam”.  Kristu huwa l-Kelma tal-Verità, u l-Verità hi li aħna maħbubin, li aħna mifdijin, li dnubietna kollha tħallas dejnhom għax il-Kelma-Alla, Kristu Ġesù tela’ fuq is-Salib minflokna u hemm kiseb merti bl-abbundanza biex kull bniedem li jemmen isalva.  Dawn il-merti jixterrdu fuqna fl-Ewkaristija, fil-waqt li l-Ġemgħa li temmen tinġabar biex terġa tgħix, tagħmel Memorjal tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu li bihom Hu fdiena.

 

Hu l-Ispirtu li hu xhud ta’ dan fil-fond tal-ispirtu tagħna.  Il-pjazez u t-toroq tagħna mimlija storbju tad-dinja, imma ħelu ħelu hu jixhed li aħna maħbubin, għal kollox maħbubin minn Imħabba li tinagħta, tinagħta, tinagħta għalina.  X’ħin tagħsar lil Alla dan hu dak li ssib.  Dan hu l-aktar importanti li nemmnu. L-essenza ta’ Alla hija l-Imħabba li l-ħin kollu qegħda tinagħta għall-għadu tagħha. 

 

Dan nistgħu ngħarfuh biss, biss, biss fid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu.  L-ebda intelliġenza, l-ebda devozzjoni, l-ebda tqanżiħ tal-bniedem ma twassal għal dan l-Għarfien immens u stupend.  Il-bniedem li jagħraf, bi Grazzja, li Alla inagħta kollu kemm hu għalih, hu bniedem differenti minn kif kien qabel, u differenti wkoll mill-oħrajn.  Id-dinja tidher differenti għalih, l-istess il-problemi tagħha.  Is-Salib jidher differenti.  Min għamillu l-ħsara issa jidher differenti.  Kollox differenti għax qed jgħix fl-Imħabba bħalma ħuta tgħix fl-ilma.  U din l-Imħabba tibqa’ tinagħta għall-Eternità.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum.

 

Qari I

Il-Għerf kien jeżisti sa minn qabel ma nbdiet l-art.

Prov 8:22-31

 

Qari mill-Ktieb tal-Proverbji

 

Dan jgħid il-Għerf ta’ Alla:

Il-Mulej kellu lili sa mill-bidu ta’ għemilu,

sa minn qabel l-eqdem għemejjel tiegħu.

Sa minn dejjem twaqqaft, mill-bidu, qabel ma nbdiet id-dinja.

Kien għad m’hemmx l-ibħra l-kbar,

meta tnissilt jien, kien għad m’hemmx għejun inixxu l-ilma;

qabel ma tqiegħdu l-muntanji, qabel l-għoljiet jien twelidt.

Kien għadu ma għamilx l-art bir-raba’ tagħha,

u lanqas l-ewwel traba tal-art.

Meta ħejja s-smewwiet jien kont hemm,

meta ħażżeż dawra fuq wiċċ il-baħar kbir,

meta saħħaħ is-smewwiet hemm fuq,

u qiegħed fis-sod in-nixxigħat ta’ qiegħ il-baħar;

meta ħażżeż trufijiet il-baħar, biex l-ilmijiet ma jaqbżux trufhom;

meta qiegħed sisien l-art,

jien kont maġenbu bħala tfajjel, l-għaxqa tiegħu,

jum wara ieħor, nitliegħeb il-ħin kollu quddiemu;

nitliegħeb fuq l-art imħejjija għall-bnedmin,

nitgħaxxaq b’ulied il-bnedmin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 8:4-5,6-7,8-9

 

R/.(2a): Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk,

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih,

bin il-bniedem, biex taħseb fih? R/.

 

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk! R/.

 

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu:

in-nagħaġ u l-baqar kollha, sal-bhejjem tax-xagħri;

l-għasafar tal-ajru u l-ħut tal-baħar,

dak kollu li jterraq fil-baħar. R/.

 

Qari II

Ma’ Alla, bi Kristu bis-saħħa tal-imħabba li ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu.

Rum 5:1-5

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu; permezz tiegħu għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. Mhux biss dan: imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama. U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Apok 1:8

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,

lill-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. L-Ispirtu jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.

Ġw 16:12-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.

 

Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 

 
< Prev   Next >