Thursday, 18 August 2022
           
Home
IT-TWELID TA’ SAN GWANN BATTISTA (2022) IL-PONT BEJN IL-QADIM U L-GDID PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 25 June 2022
 

Din hija il-Liturgija  tas-Sollenita' tat-Twelled ta' San Gwann Battista (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 saint-john-the-baptist-ca-1645-oil-on-canvas-antonio-del-castillo-y-saavedra-1616-1668.jpg

 

Tifraħ il-Knisja Ommna bir-Rebħa tal-Għarus tagħha fuq il-Mewt u d-Dnub.  Tifraħ ukoll b’dawk kollha li taw xhieda għaliH saċ-ċarċir ta’ demmhom.  Tifrah bil-Patrijarki, bil-Profeti, bl-Appostli li fuqhom inbniet.  Tifraħ b’tant Qaddisin, dawk li nafu bihom u dawk li ma jafhom ħadd.  Tifraħ bina kull meta nirbħu lill-Ħażin u nikbru fil-Fidi.

 

Tifraħ il-Knisja f’dan iż-żmien b’dak li hu l-Aħħar fost il-‘Profeti’ ta’ Alla imma li ġie jħabbar Żmien Ġdid, hu li deher bħal Muntanja għolja li tifred l-art imdallma tal-imgħoddi mill-Art maħsula bid-Demm tal-Ħaruf, imdawla bl-Ispirtu moħbi għal tant ġenerazzjonijiet.  Tifraħ il-Knisja bi Ġwanni l-Battista, li l-hija ssejjaħlu “l-ikbar fost il-Profeti u l-Prekursur tal-Mulej”.  Hu kien l-aħħar wieħed fost sensiela ta’ nies li Alla żejjinhom u għabbihom fl-istess ħin bid-Don tal-Profezija; libbishom il-mantar tal-Ispirtu s-Santu u għamilhom ilkoll bħal kolonni tal-ħadid li żammew wieqaf il-Poplu ta’ Alla.  Tifraħ il-Knisja għax deher fuq l-art l-aħħar u l-aqwa fost dawn, imma li fetaħ il-bieb biex bil-prezz tad-Demm ta’ Kristu jitwieled “Poplu-Profeta”, is-Saltna ta’ Alla fuq l-art.

Il-Profeti kienu nies immarkati minn Alla sa minn ġuf ommhom, magħżula għal biċċa xogħol iebsa li ħafna minnhom beżgħu minnha.  Ġeremija jgħid: “Ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: “Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.”  (Ġer. 1, 4-5).  Isaija, min-naħa tiegħu jgħid: “Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, mill-ġewwieni ta’ ommi ftakar f’ismi.  (Is. 49, 1).  Dwar Ġwanni bin Żakkarija, San Luqa jgħid li l-Arkanġlu Gabrijel xehed għalih: “Hu jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.”  (Lq. 1, 15).  Il-messaġġiera ta’ Alla kollha jgħiduha din li kienu mmarkati minn Alla għall-missjoni tagħhom sa minn qabel ma dehru fid-dinja, u dan jgħiduh mhux bi ftaħir, iżda għall-kuntrarju, huma jagħfsu fuq l-inizjattiva ta’ Alla, u li dak li kellhom kien mogħti lilhom bi Grazzja għax ġew magħżula qabel ma setgħu jagħmlu t-tajjeb jew il-ħażin.  San Pawl jiftaħ u jwessa’  din l-għażla predestinata għal dawk kollha li huma Xhieda ta’ Ġesù: “Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa.”  (Rum. 8, 29).

 

Ħafna drabi, ir-rejazzjoni ta’ dawn in-nies għall-Għażla tagħhom kienet waħda ta’ tħassib, biża’, fixla.  Lil Alla, Ġeremija jgħidlu: “Ah, Sidi Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir!”  (Ġer. 1, 6), u Isaija, li kien għadu żagħżugħ ukoll, ħassu skandalizzat bih innifsu u qal: “Jaħasra għalija!  Mitluf jien!  Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien!  U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar; madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti.”  (Is. 6, 5).  Mosè nnifsu ipprova jiżgiċċa għax kien imfixkel minn difett f’ilsienu.  Dan hu mportanti li ngħarfuh għax Ġwanni u l-Magħżulin kollha huma Kelma ta’ Alla għalina, kif se naraw iktar ’il quddiem.

 

Fuq jekk Ġwanni rreżistiex jew le s-Sejħa, ma nafu xejn.  Li nafu hu li ta’ età żagħżugħa inagħqad ma grupp ta’ nies imsejħin “l-Esseni” li kienu komunità ta’ aħwa rġiel li ħallew l-ibliet u l-irħula u marru jgħammru fid-deżert biex jgħixu forma safja ta’ Ħajja mogħtiha għall-qima ta’ Alla u l-istennija tal-Messija.  Mingħandhom Ġwanni skopra s-siwi tal-ħasil ritwali bħala sinjal tal-indafa interjuri, rit li kienu jiċċelebraw kull filgħodu f’banjijiet għal tal-apposta msejħin “mikvah”.

 

Lill-Profeti tal-Antik Testment, Alla żejjinhom b’Imħabba kbira lejH u lejn il-Poplu tiegħu.  Kienu nies “maħruqa” min-Nar tal-Ispirtu li ma kienx iħallihom kwieti.  Tip ta’ bniedem ‘kollu Nar’ narawh fil-Profeta Elija.  Fi Ġwanni dan narawh fil-milja tiegħu.  F’mument meta Ġeremija qata’ qalbu għal kollox milli jdawwar il-qalb tal-poplu u l-mexxejja tiegħu lejn Alla, hu għamel f’moħħu li ma jsemmix il-Kelma ta’ Alla iktar.  “Il-kelma tal-Mulej saret għalija tagħjir u tmaqdir kuljum.  U jien għidt: ‘Ma nsemmiħx aktar, ma nitkellimx aktar f’ismu.’  Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi.  Għejjejt inżommu magħluq ġo fija, ma  niflaħx għalih.”  (Ġer. 20, 8-9).  Din hija l-Qawwa tal-Profezija, li hija l-Qawwa tal-Ispirtu li kienet tiġri fil-vini ta’ Ġwanni u wara tal-Appostli, u wkoll ta’ kull Nisrani li jimxi ’l quddiem fl-għarfien tat-Teżor li hu Kristu.

 

Il-Profeta huwa l-bniedem “stramb” li ma jemminx fil-“political correctness” li tant tħobb is-soċetà tagħna.  Din l-espressjoni tfisser l wieħed joqgħod attent x’jgħid biex ma jurtax, ma jwebbisx qlub, ma jagħmilx għedewwa, ikun diplomatiku, jagħmel kompromessi a spejjeż tas-sewwa għax id-dinja taħseb li bejn żewġ estremitajiet il-verità tinsab fin-nofs.  Ġwanni, u kull Profeta, jiftaħ garġih u jgħajjat kontra dan!  Il-Verità mhix kompromess!  Il-Verita mhix it-triq tan-nofs!  Il-Verità hi waħda u estrema!  Min jiskopri l-Verità jitriegħex bil-mistħija quddiem it-tentazzjoni tad-dinja biex ma jqanqalx l-ilma qiegħed b’dak li jgħid. 

 

Dan kollu għejja lill-Profeti għax kienu nies umani, sikwit dgħajfa, bħalna.  Kollha ġew ippersegwitati.  Kollha spiċċaw ħażin, u Alla ried li Ġwanni ma jkunx differenti għax hu ma beżgħax għal ilsienu quddiem in-nies tal-poter.  Hu seta’ jgħid li bħall-Profeti ta’ qablu: “Il-Mulej għamilli fommi xabla misnuna; għamel minni vleġġa maħtura.”  (Is. 49, 2).  Dan kollu għax kienu jħobbu lil dawk li kienu jlumu, u kienu jitħabtu biex isalvaw dak li kien prezzjus: il-wirt ta’ Alla imwiegħed.

 

Jekk Ġwanni l-Battista kien iben il-Profeti, u Missierhom ilkoll, fuq kollox huwa kien il-Prekursur tal-Messija mwiegħed.  Kien il-Ħabbar, “l-Anġlu tad-Deżert”, kif isejħulu tal-Orjent.  Fomm il-Profeti tal-“Antik” intebaq bl-aħħar viżjoni ta’ Malakija: “Ara, jiena nibagħtilkom ’l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej u Jum il-biża’.  U jdawwar qalb  il-missirijiet lejn uliedhom u qalb l-ulied lejn missirijiethom.”  (Mal. 3, 23-24).  Alla żamm Kelmtu meta ‘Elija’ deher fi Ġwanni bin Żakkarija, tiela u nieżel matul il-Ġordan isejjaħ lin-nies għall-indiema, wara li jkun uriehom dnubhom.  Għax iż-żmien kien qsar.

 

Kien meta l-missjoni ta’ Ġwanni kienet fl-aqwa tagħha li deher Kristu u feġġet ix-Xemx ta’ era ġdida għall-bniedem.  U hu hawn li naraw il-kobor tar-rivelazzjoni ta’ Alla f’dan il-bniedem, Ġwanni.  Kristu bena l-Knisja tiegħu fuq Pietru għax dan l-Appostlu Alla nebbħu bl-għarfien li quddiemu kellu lill-Iben ta’ Alla l-Ħaj.  Imma Ġwanni kien ġa ħabbar xi ħaġa iktar profonda: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja!”  (Ġw. 1, 29).  Ġwanni kien l-ewwel wieħed li ġie mnebbaħ bis-Sorpriża sopranaturali ta’ Alla bi tweġiba għal dnub il-bniedem.  Mhux iktar il-kastig hu t-tweġiba għad-dnub iżda l-miġja ta’ Alla nnifsu liebes laħam il-bniedem biex, bħall-Ħaruf tal-Għid li nqatel ġewwa l-Eġittu biex il-poplu ma jmutx, hu jitla’ fuq il-forka jġorr fuqU d-dnub ta’ kulħadd biex ikun it-Tpattija, il-Fidwa, l-Offerta fuq l-altar b’risq tiegħi u tiegħek.  Ġwanni ma setax  jintebaħ b’dan minnu nnifsu.  Dan ix-xenarju kien wisq ta’ barra minn hawn għal bniedem naturali.  Mhux ta’ b’xejn li l-arti Nisranija dejjem iġġibu bil-Ħaruf maġenbu, simbolu tal-Missjoni ta’ Kristu! 

 

U lilna dan kollu x’jgħidilna?  Għax jekk Ġwanni bin Żakkarija kien Profeta għal żmienu, huwa Profeta għal żmienna wkoll, b’ħafna modi.  Kull Nisrani jirċievi l-karattru ta’ ‘Profeta’ fil-Magħmudija tiegħU.  Il-Knisja hija l-Ġemgħa qaddisa ta’ Profeti għad-dinja ta’ kull żmien.  Mhux veru li hi leħen fost diversi ilħna li jgħinu lill-bniedem.  Din hija l-gidba tar-relattiviżmu tal-lum.  Fil-Knisja tinsab il-Verità waħdanija li tista’ ssalva l-umanità. U l-Verità ħarġet minn fomm Ġwanni: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja.”  Din biss hi l-Verità.  U aħna lkoll Profeti biex inwasslu din il-Verità lil kull min hu mfarrak bi dnubu, jew bl-Istorja, jew bid-dubji fuq Alla.  Dan ma jseħħx jekk iż-żerreigħa tal-Magħmudija ma sabitx art tajba fejn tikber, imma ntrefgħet moħbija ġo kexxun!  Imma jekk il-Magħmudija tikber fina, aħna nikbru fid-don tal-Profezija, li mhux don li nħabbru l-ġejjini bħalma tħobb taħseb id-dinja, imma li ngħidu dejjem il-Verità biex is-Saltna ta’ Kristu tikber.  Il-Verita tagħmilna melħ li jagħti togħma lid-dinja.

 

U dan hu eżatt min kien Ġwanni.  Kien melħ b’togħma qawwija.  Huwa mellaħ lil Iżrael biex minnu jinbet fdal li dawwal id-dinja kollha bl-Aħbar ta’ Kristu.  Jekk m’aħniex ‘Melħ’, aħna barranin għal Ġwanni, lanqas jagħrafna minn pagani.  U bħall-melħ li jinħall u jmut biex il-borma titjieb, anke hu intreħa fi ħdan il-Martirju.  Mhux kull Nisrani hu mitlub imut għal Kristu, iżda hemm bosta tipi ta’ Martirju u l-Imħabba tieħdok lejh, u dan nafuh ilkoll għax ilkoll ‘mitna’ bosta drabi għal dawk li nħobbu.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum, Jum il-Festa tal-Parroċċa

 

Qari I

Is 49:1-6

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Isimgħuni, gżejjer, agħtuni widen, popli mbiegħda! Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, minn ħdan ommi ftakar f’ismi. Għamilli fommi xabla msinna, taħt id-dell ta’ idu ħbieni. Għamel minni vleġġa maħtura, fil-barżakka tiegħu ħbieni. U qalli: “Israel, inti l-qaddej tiegħi, bik jiena nkun imfaħħar.”

U jien għedt: “Għalxejn inkeddejt, u fix-xejn ħlejt saħħti.” Imma l-ġustizzja tiegħi fil-Mulej u l-ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.

U issa tkellem il-Mulej, li minn ħdan ommi għamilni qaddej tiegħu, biex għandu rreġġa’ lura ’l Ġakobb u biex Israel jinġabar miegħu mill-ġdid, għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej, u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi. Hu qalli: “Tkun ħaġa żgħira wisq għalik li inti tkun il-qaddej tiegħi biex tqajjem biss it-tribù ta’ Ġakobb u treġġa’ lura l-fdal ta’ Israel. Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.”

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 138: 1-3. 13-15

 

R/. Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni!

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.

 

Int sawwart il-ġewwieni tiegħi,

u f’ġuf ommi inti nsiġtni.

Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni:

tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. R/.

 

U ’l ruħi inti tafha tajjeb.

Ma kienx moħbi għadmi minnek,

meta kont qiegħed insir fis-satra

u nintiseġ fil-qigħan tal-art. R/.

 

Qari II

Atti 13:22-26

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien: Pawlu qal: “Alla, lil missirijietna, qiegħed ’il David bħala sultan tagħhom, li għalih ta din ix-xhieda: ‘Sibt ’il David, bin Ġesse, raġel skont qalbi li jagħmel dak kollu li rrid jien.’ Hu minn nislu li Alla, skont il-wegħda tiegħu, ġieb għal Israel salvatur, li hu Ġesù. Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni deher ixandar magħmudija ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’ Israel.

U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal: ‘Jien miniex dak li intom taħsbu li jien. Dan ġej warajja, u jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh.’ Ħuti, ulied in-nisel ta’ Abraham, u intom li tibżgħu minn Alla, lilna ġiet mibgħuta l-bxara ta’ din is-salvazzjoni.”

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Lq 1:76

 

Hallelujah. Hallelujah.

Int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu.

 

Hallelujah.

 

Evanġelju

Lq 1:57-66.80

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Eliżabetta għalqilha ż-żmien li teħles, u kellha tifel. Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha. Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel, riedu jsemmuh Żakkarija, għal missieru; imma qabżet ommu u qalet: “Le, imma Ġwanni jkun jismu.” Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!”

Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih, u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.” U kulħadd baqa’ mistagħġeb. Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar ’l Alla.

U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biza’, u bdew ixerrdu dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija, u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id il-Mulej kienet miegħu. It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Israel.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.

 
< Prev   Next >