Wednesday, 10 August 2022
           
Home arrow Home
IS-SITTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2022) NILQGHU LILL-BARRANI, NILQGHU LIL ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 16 July 2022

Din hija il-Liturgija  tas-Sittax il-Hadd matul is-Sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 gesu_u_marta_u_marija.jpg

 

L-akkoljenza hija marka tan-Nisrani li mexa ’l quddiem fil-Fidi.  ‘Akkoljenza’ tfisser li tilqa’ għandek lil min ma tafux għax barrani.  Tilqgħu f’pajjiżek, saħansitra f’darek jekk ikun hemm bżonn, u ma tħalliħx jorqod barra fit-triq.  Il-bniedem li jifraħ meta jilqa’ għandu lil min hu fil-bżonn, hu bniedem għal qalb Alla. 

 

In-Nisrani hu dejjem akkoljenti għax għandu d-dixxerniment li jiġi mill-Ispirtu s-Santu. Ikollok id-dixxerniment ifisser li inti ‘tara’ dak li ħaddieħor ma jarax.  Dan hu don kbir tal-Ispirtu s-Santu, u ma jistax jeżisti bniedem ta’ Fidi mingħajr ma jkollu wkoll id-dixxerniment.  Id-dixxerniment jgħin lil dak li jkun li jara lil Kristu fil-bniedem barrani, ta’ razza oħra u kulur differenti, li jinsab miexi b’rasu baxxuta, waħdu, ’il bogħod minn pajjiżu u minn dawk li jħobb u jħobbuh.  Min għandu għajnejn ta’ Fidi, għajnejn imdawla mill-Fidi, jagħraf lil Kristu batut f’dan il-bniedem.  Wara kollox anke Ġesù, f’ġuf ommu, ma laqgħu ħadd minn belt sħiħa, u laqgħuh l-annimali ta’ kamra f’razzett, meta deher fid-dinja fi twelidu.  X’oxxenità!  Dak li ħalaq l-univers sab il-bibien magħluqa għax ħadd ma kellu għajnejn jaraw tassew.  Ħadd ma kellu dixxerniment.  Ħadd ma kellu akkoljenza.  Ħadd ma stmaH.

 

Bniedem b’ ‘għajnejn’ differenti mill-bqija kien Abraham.  Hu veru li l-popli tal-Lvant huma ħafna, ħafna iktar akkoljenti minna u jilqgħu min qalbhom lill-barrani.  Hija tradizzjoni fil-kultura tagħhom.  Jista’ jkun li qed jitilfuha din, iktar kemm, minħabba l-globalizzazzjoni, qed isiru jixbħu lilna, il-‘moderni’ tal-Punent.  F’mument ċentrali tal-Istorja ta’ ħajtu, Abraham jiltaqa’ ma’ Alla li ġie għandu fil-persuni ta’ tliet stranġieri li kienu għaddejjin minn ħdejn l-akkampament tiegħu.  Abraham ħares lejhom u ‘ra’.  Malli rahom mar jiġri jilqagħhom mill-bieb tal-għarix u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom.  U qal: “Sidi, jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek.  Ħa nġib ftit ilma u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra, sakemm inġibilkom gidma ħobż biex titrejqu.”  (Ġen. 18, 2-5). 

 

Abraham, bniedem dejjem jishar għal Alla, induna li kien fil-Preżenza qaddisa ta’ Dak li ħalaq kollox.  Illum qed ngħixu ħajja aljenata wisq!  Kif se jinduna l-bniedem jekk jgħaddi Alla  minn quddiemu?  Dan kien il-biża’ ewlieni ta’ Santu Wistin.  Kien jgħid: “Jiena nibża’ li jgħaddi l-Mulej minn quddiemi u ma nintebaħx!”  Għax il-Mulej dejjem jgħaddi biex isawwab il-Grazzja.  Li Abraham qallu li l-istennija twila tiegħu kienet waslet fi tmiemha u li sa sena wara kien se jkollu l-iben li tant xtaq.  Kemm grazzji jintilfu, kemm għerf, kemm dawl li jissawwab minn Alla għalxejn għax dak li jkun ikun qed jgħodd il-muniti tiegħu, jew jilgħab bil-ġugarelli, jew jgħajjat biex jisimgħuh in-nies! 

 

Il-Griegi kellhom storja ħelwa biex jiddiskrivu mument importanti ħafna li fuqu ddur Ħajjitna u li aħna lanqas biss nindunaw bih.  Kienu jgħidu l-Griegi l-antiki li hemm raġel xih jgħix ġo għar li kienu jgħidulu l-‘Kajros’.  Kellu rasu qargħaja ħlief għal tliet beżbużiet biss. Ħafna kienu joqogħdu għassa mal-bokka tal-għar għax darba kull tant, rari ħafna, dan ix-xiħ kien joħroġ jiġri u n-nies kienet temmen li min ikun attent u jaħtaflu t-tliet beżbużiet li kellu f’rasu, xorti tajba mmens kienet taqa’ fuqu.  Ftit ħafna kienu dawk l-ixxurtjati għax għalkemm ħafna kienu joqogħdu jistennewh ħdejn l-għar, xorta kienu jaljenaw ruħhom... min ipaċpaċ fuq il-ħmerijiet, min iħares lejn l-art, min jorqod... 

 

It-Talb jgħinna nistennew ‘il-Kajros’ li jgħaddi minn quddiemna f’daqqa.  Huwa l-mument tal-Grazzja.  Ħafna nies iltaqgħu mal-‘anġli’ ta’ Alla meta waqfu jkellmu lil xi wieħed barrani fit-triq.  Pawlu kien jiġri minn belt stranġiera għal oħra, jgħarrex biex jara min kien se jilqa’ l-Aħbar ta’ Kristu li kien qed iġorr.  Fih, Malta rat il-‘Kajros’ li semmejna.  Ħatfitu u rċeviet it-Teżor li mmarkalha l-Istorja tagħha.

 

Kristu daħal għand Marta u Marija.  Minnhom it-tnejn, waħda rat fiH bniedem li kellu jiġi milqugħ u moqdi skont it-tradizzjonijiet tal-akkoljenza ta’ pajjiżha, imma l-oħra ndunat li hawn kienet qegħda fil-Preżenza tal-‘Kajros’, ta’ Dak li kien se jibdlilha Ħajjitha kollha mill-qiegħ nett.  Waħda kompliet b’xogħolha, u l-oħra stmat kollox bħala knis ħdejn il-qliegħ immens li hemm f’illi tagħraf il-mument li fih Alla kien għaddej minn Ħajjitha. Waħda ħatfet il-mument, u l-oħra baqgħet tgerger bit-toqol ta’ din il-Ħajja.  Min jaf kemm-il darba ġralna dan lilna bla ma biss indunajna!

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

  Qari I

Tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek.

Ġen 18:1-10a

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, il-Mulej deher lil Abraham ħdejn il-ballut ta’ Mamri; u hu kien fil-bieb tal-għarix fl-aqwa tas-sħana tal-jum. U rafa’ għajnejh u ħares, u ra tlitt irġiel weqfin quddiemu; u malli rahom mar jiġri jilqagħhom mill-bieb tal-għarix u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom. U qal: “Sidi, jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek. Ħa nġib ftit ilma u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra, sakemm inġibilkom gidma ħobż, biex titrejqu, imbagħad tibqgħu sejrin – għax għalhekk għaddejtu għand il-qaddej tagħkom”. U huma qalulu: “Tajjeb, agħmel kif għedt”.

U Abraham ħaffef lejn l-għarix, ħdejn Sara, u qalilha: “Fittex lesti tliet sigħan smid, agħġnu u agħmlu ftajjar”. U Abraham mar jiġri ħdejn il-baqar u ħa għoġol tari u sabiħ, u tah lill-qaddej; u dan fittex ilestih. U ħa l-baqta u l-ħalib u l-għoġol li kien lesta, u qegħedhom quddiemhom. U hu baqa’ bilwieqfa quddiemhom taħt is-siġra, u huma bdew jieklu. U staqsewh: “Fejn hi Sara, martek?”. U hu weġibhom: “Hemm fl-għarix”. U qallu: “Nerġa’ niġi għandek bħal dan iż-żmien sena, u ara, Sara martek ikollha iben”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

Salm 14(15):2-3ab,3ċd-4ab,5

R/.(1a): Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,

min jgħid is-sewwa f’qalbu;

min ma jqassasx bi lsienu. R/.

 

Min ma jagħmilx deni lil ġaru,

u ma jgħajjarx lil għajru;

min ma jistmax lill-bniedem ħażin,

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.

 

Min jislef u ma jitlobx imgħax,

u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.

Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. R/.

Qari II

Il-misteru li kien moħbi, issa hu mgħarraf.

Kol 1:24-28

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja. Tagħha jiena sirt ministru, skont ma tani nagħmel Alla għalikom, jiġifieri li nxandar b’mod sħiħ il-Kelma ta’ Alla, il-misteru li kien moħbi sa miż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet kollha, u li issa hu mgħarraf lill-qaddisin tiegħu. Lil dawn Alla ried jgħarrafhom kemm huwa kbir l-għana tal-glorja ta’ dan il-misteru fost il-pagani: Kristu hu fikom, it-tama tal-glorja tagħkom. Lilu aħna nħabbru lill-bnedmin kollha, u nwissu u ngħallmu lil kulħadd bl-għerf kollu biex inwasslu lil kull bniedem għall-perfezzjoni fi Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 8:15

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Henjin dawk li jisimgħu l-kelma

b’qalb tajba u sinċiera,

jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.

R/. Hallelujah.

Evanġelju

Marta laqgħetu għandha. Marija għażlet l-aħjar sehem.

Lq 10:38-42

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

Last Updated ( Saturday, 16 July 2022 )
 
< Prev   Next >