Thursday, 18 August 2022
           
Home
IT-TMINTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2022) L-INGANN TAL-FRUGHAT TAD-DINJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 30 July 2022

Din hija il-Liturgija  tat-Tmintax il-Hadd matul is-Sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 12the-rich-fool.jpg

 

Fi tfulitu u l-aktar f’żogħżitu m’intix se tlum lill-bniedem li jibqa’ msaħħar u maħtuf mis-sbuħija u t-tlellix tad-dinja ta’ madwaru li hu jkun għadu qiegħed jiskopri. Hu għalxejn li twiddbu u tipprova tagħtih għerf li moħħu la jrid u lanqas jista’ jassorbi.  F’żogħżitu l-bniedem hu mimli stennija, tamiet sbieħ, pjanijiet, ottimiżmu.  Kliem serju fuq ir-rejaltà tal-Ħajja u l-bżonn li jimmatura u jrabbi l-għaqal, jgħejjieh u jxebbgħu.  Irid jipprova hu, u jekk jista’ jkun jipprova kollox. 

 

Hemm eċċezzjonijiet.  Hemm dawk li minn kmieni jinagħtalhom għaqal u dehen li ma jafdawx wisq lill-passjonijiet u l-ħala taż-żogħżija u hekk iweġġgħu inqas meta jiltaqgħu mad-diżappunti.  Imma għal kuntrarju, hemm ukoll dawk li jixjieħu fl-ingann tad-dinja!  Alla jagħtihom l-għomor biex jimmaturaw, u ma jimmaturaw qatt.  Il-maturazzjoni vera tal-bniedem hi li hu jagħraf li huwa dgħajjef, li quddiem il-misteru tal-Ħajja huwa bħal nemlu quddiem muntanja, u li għandu bżonn lil Alla li ħalqu u li minnu tfawwar il-Ħajja għal kull maħluq.

 

Pajjiżna ilu li qabad triq ta’ imitazzjoni ta’ ġnus oħra f’tellieqa sfrenata ta’ sekulariżmu.  Dak li għidna dwar iż-żogħżija li tinganna, nistgħu ngħiduh għal ġensna li għadu fiż-żogħżija tiegħu, għadu qiegħed jgħodd il-muniti fil-but li qabel ma kellux u għajnejh iffissati lejn it-trab tal-art li għalih jidher donnu deheb.  Oliver Friġġieri, il-filosofu Malti, darba qal li pajjiżna qisu tfajjel adoloxxenti li qed iduq il-Ħajja għall-ewwel darba u li jogħġbu dak kollu li jgħidlu ħaddieħor ħlief dak li jgħidulu l-ġenituri tiegħu.  Ilkoll għaddejna minn dan!  Il-Punent, bil-ftaħir kollu tiegħu, hawn jinsab!  Imma Alla jdawwar kollox għall-ġid.  Huwa Hu Sid l-Istorja u jaf jimmatura l-ġnus bl-Istorja tagħhom stess. 

 

Il-Ktieb ta’ Koħelet fit-Testment il-Qadim huwa famuż għat-tnehid tiegħu quddiem il-bluha tal-bniedem li jkompli jfittex il-milja, l-eliżir tal-Ħajja f’eżistenza li qegħda tmut il-ħin kollu.  “O frugħa tal-frugħat – igħid Koħelet – o frugħa tal-frugħat!  Kollox hu frugħa!”  (Koħ. 1, 2).  Hekk jiftaħ dan il-Ktieb u hekk jispiċċa.  U tassew vojta u fiergħa hija l-Ħajja li fiha Alla ma jidher imkien u iblah il-bniedem li qatt ma waqaf jaħseb ftit imnejn ġie, għalfejn qed jgħix, fejn sejjer.  Kemm nies jibqgħu adoloxxenti Ħajjithom kollha!  Kemm nies ħadmu daqs klieb il-jiem kollha mislufa lilhom taħt il-kappa tax-xemx, biex  imbagħad ħallew kollox lil ħaddieħor, sikwit nies kważi barranin għalihom li bil-kemm kienu jafuhom!  X’ħasra tara l-kotra kollha kemm hi miġnuna fuq ix-xogħol minn filgħodu sa filgħaxija bla ma jindunaw li huma vittmi ta’ jasar modern.  Daħqu bihom!  Kulħadd ilsir tal-banek.  Kulħadd marbut minn għonqu għomru kollu jħallas il-“loan” fuq l-erba’ ħitan li għandu fejn jistkenn!  Aħna lsiera tal-ekonomija mondjali bla ma nafu.  Kull wieħed minna qisu skurfina ċkejkna, ċkejkna f’magna-monstru li tiddomina kollox. 

 

U Alla?  Fejn hu Alla?  Alla mhu mkien.  M’għandix ħin naħseb fuqu.  Imma Alla hu l-Ħajja!  Jekk ma naħsibx fuq Alla jfisser li m’inix ngħix!  Xi ħadd serqilna l-Ħajja bla ma ndunajna.  Fejn hu llum il-ħolm taż-żogħżija?!  “O frugha tal-frugħat – igħid Koħelet – o frugħa tal-frugħat!  Kollox hu frugħa!

 

Aħna li kbirna u għaddejna minn dan kollu, u nħarsu lura u ninħasdu meta naraw kif għadda ż-żmien, nafu kemm għandu raġun Salm 90 li jgħid: “Aħna bħal ħaxix li jinbet filgħodu; filgħodu jwarrad u jħaddar; filgħaxija jidbiel u jinxef.”  (S. 90, 5-6).  Mingħajr Alla, l-Ħajja qisha sufarell tal-festa li jagħmel ħafna storbju imma jtemm lilu nnifsu f’qasir il-ħin. 

 

Lil Abraham, Alla qallu biex iħares lejn is-Sema kollha kwiekeb u ma jibqax iħares lejn it-tajn tal-art.  Hekk għamel Abraham u sab wirt li ġennu!  Kull wieħed minna Alla jistiednu biex iħares lejn is-Sema li għaliha hu maħluq u hemm isib is-sens tal-Ħajja.  Bis-Sema biss nimlew il-vojt dejjiemi li hemm ġewwa fina.  Dejjem jonqosna xi ħaġa.  “Aħdem, Ġuż, aħdem!  Isa ftit ieħor u jkollna biex nixtru...”  Fl-Istorja tal-Knisja dejjem kien hemm movimenti kbar ta’ nies li ndunaw bis-sigriet tal-Ħajja u ħarbu mill-ibliet u mid-dinja biex ‘jgħixu’ tassew, biex ma jitilfux dak li skoprew.  Huma mietu għad-dinja u sabu l-Ħajja!  Dan hu t-teżor moħbi.  Ahhh!  Imma kemm huma ftit dawk li  jiskopruh!  Għaliex, Mulej??

 

Pawlu jgħid: “Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.  Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema mhux f’dawk tal-art”  (Kol. 3, 1-2). Dan kollu jinstema’ stupidu għall-bniedem tad-dinja, imma l-Knisja tibqa’ tħabbar dan l-għerf li hu moħbi f’velu.  Malli dan il-velu jiċċarrat, int tkun tista’ tgħajjat: “Kollu minnu dak li dejjem qaluli u li jien qatt ma tajt kasu!”  Għal dawk li sabu l-Għerf veru, li sabu l-Ħajja li ma tispiċċax u li tibda ġa  minn hawn, Pawlu jgħid: “Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla.”  (Kol. 3, 3).  Il-bniedem imut għad-dinja, imma mhux għax hu dgħajjef, mhux għax falla, mhux għax hu mwarrab u baħnan, iżda għax sab il-ġawhra prezzjuża u kkalkula li jaqbillu jbiegħ kollox biex jixtri l-għalqa fejn kienet midfuna dik il-ġawhra.  Din hija l-Magħmudija!  II-bniedem il-qadim, ta’ dari, jmut u jegħreq fl-ilma, u minfloku jgħix Xi Ħadd ieħor, Kristu, li hu Ħaj għal dejjem!  Kemm hi qarrieqa d-dinja li tgħidlek li jekk timxi wara Kristu tkun qed tiċħad għal tant ħwejjeġ sbieħ, meta fil-fatt fi Kristu biss tinsab il-Ħajja vera, il-Ħajja kollha sens, il-Ħajja li tagħtik garanzija li int m’intix se tmut għax miet Hu flokok.  Fil-wiċċ sofferenti ta’ Kristu tinsab is-Sbuħija li ssalva d-dinja, qal Dostojevski.  Dawk li huma fi Kristu jafu li m’għandhom bżonn xejn minn ta’ din id-dinja għax huma se jgħixu għal dejjem.  Il-Ġenna tibda minn hawn.  Jibqa’ t-taħbit.  Jibqa’ l-kumbattiment.  Jibqa’ l-periklu li nerġgħu lura u nitilfu kollox.  Imma meta wieħed iduq kemm hu tajjeb il-Mulej, mhux lakemm jitbellah tant għall-ħwejjeġ ta’ qabel.

 

Il-frugħa, l-ingann tad-dinja jinġabar fil-muniti, fil-flus li l-bniedem jaħseb li bihom jista’ jixtri s-sigurtà dejjiema għalih, anke jekk dell il-Mewt jimxi miegħu.  Il-flus huma x-xbieha tal-idolu.  Ix-xogħol hu qaddis u l-flus huma qaddisa għax fi Kristu msallab kollox tqaddes.  Imma meta l-flus, il-fiduċja fil-flus, tieħu post il-fiduċja f’Alla, allura kollox isir żibel.  Il-profeti kien jiftħu ħalqhom u jħanġru u jgħajtu kontra l-idolatrija, kontra li Iżrael ifittex il-Ħajja mingħand min ma setax jagħtih ħlief Mewt.  Alla jagħtina x-xogħol, u Alla jagħtina l-flus, imma mix-xogħol għamilna ‘alla’ u bil-flus qanqalna l-għira tal-Imħabba.  Il-flus huma l-qaddejja tal-bniedem, iżda Alla jinkedd jara li l-kotra tinżel għarkupptejja quddiemhom u titlob il-Ħajja mingħandhom.  Minflok, tieħu jasar.

 

Il-Vanġelu se jħawwad lil bosta.  Ġesù hu dejjem pass jew tnejn jew għaxra ’l quddiem minna.  Dejjem jissorprendina.  Dejjem hu profond.  Dejjem iħares fil-ġewwieni tal-bniedem.  Dejjem imur għall-marda vera tiegħek u tiegħi.  Il-frugħa fid-dinja tinsab mhux fiH!  Wieħed seraq il-wirt lil ħuh.  Storja li tiġri, le?  Min baqa’ b’xejn mar għand Ġesù għall-ġustizzja.  Baqa’ b’xiber imnieħer!  Għaliex Ġesù m’għamlilhox “division by two”?  Għax kemm min seraq u kemm dak li ġie jirraporta u lest li jiftaħ kawża u jibqa’ Ħajtu kollha ma jkellimx lil ħih, it-tnejn li huma huma “mejtin” għal Kristu.  It-tnejn jaħsbu li mill-flus, mill-għana tad-dinja tiġi l-Ħajja.  Hu jgħidilhom: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.”  (Lq 12, 15).  Aħna lkoll nemmnu li mhux l-istess ikollok il-ġid u ma jkollokx.  Għan-natura tagħna mnissla minn Adam, il-flus jagħmlu differenza!  Għal Kristu ma jagħmlu l-ebda differenza, anzi hemm probabiltà li jħassrulna Ħajjitna, u dan nafuh tajjeb mill-aħbarijiet. 

 

Kristu jgħidilna biex ngħassu kontra kull regħba.  Li wieħed ikollu l-ġid huwa rigal ta’ Alla, u jekk jużah tajjeb jgħinu jakkwista s-Saltna.  Imma jekk minflok jużah tajjeb, jintrabat miegħu u qatt m’għandu xaba’, allura flok is-Saltna jsib il-jasar ta’ dejjem.  Ħafna jgħixu ta’ fqar meta għandhom ħafna ġid, u oħrajn jgħixu ta’ sinjuri meta għandhom ftit.

 

Mulej, missli qalbi u fejjaqhieli, biex dak li jbeżżagħni fik isir ħelu għax jiddawwal.

 

Il-Liturġija tal-lum:

  Qari I

X’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li jkun ħa?

Qoħ 1:2; 2:21-23

Qari mill-Ktieb ta’ Qoħelet

O frugħa tal-frugħat, jgħid Qoħèlet.  O frugħa tal-frugħat! Kollox frugħa!   Għax dan jiġri: wieħed, li jkun ħadem bl-għaqal u l-ħila u b’suċċess, ikollu jgħaddi sehmu lil ħaddieħor li xejn ma tħabat għalih.   Dan ukoll frugħa u ħaġa mill-agħar.  Għax x’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li jkun ħa taħt ix-xemx?   Għomru kollu jbati u jinħaqar bil-kedda u lanqas billejl ma jserraħ rasu.

Dan ukoll hu frugħa!

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 89(90):3-4,5-6,12-13,14,17

R/.(1): Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel.

 

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,

u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”.

Elf sena huma għalik bħal jum tal-bieraħ li għadda,

jew bħal sahra tal-lejl. R/.

 

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.

Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;

filgħodu jwarrad u jħaddar,

filgħaxija jidbiel u jinxef. R/.

 

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,

sabiex aħna nimxu bil-għaqal.

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek! R/.

 

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!

Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,

wettaq, iva, xogħol idejna. R/.

Qari II

Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.

Kol 3:1-5,9-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja. Mewtu ġo fikom dak kollu li hu tal-art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-regħba li hi idolatrija. Tigdbux lil xulxin, intom li nżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil kollu tiegħu, u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skont ix-xbieha ta’ min ħalqu, u jikber fl-għerf. Fih ma hemmx Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew mhux, Barbaru jew Skita, ilsir jew ħieles, iżda Kristu f’kollox u f’kulħadd.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5:3

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah.

Evanġelju

Il-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?

Lq 12:13-21

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”. Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”.

U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel, qal, “inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!’. Iżda qallu Alla: Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’. Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >