Din
hija il-Liturgija tat-Dsatax il-Hadd matul is-Sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Qegħdin ngħixu fi
żmien importanti ħafna meta d-dinja qegħda tinbidel b’mod mgħaġġel immens. Bħala Nsara, għandna għax inħossuna kburin u
grati lejn Alla li konna f’moħU sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex
ipoġġina fuq din il-pjaneta appuntu f’dan iż-żmien li San Ġwanni Pawlu II
sejjaħlu “Żmien ta’ bidla epokali li jiġi fuqna darba f’elf sena!”
Hu żmien ta’ bidla
għalina bħala Knisja wkoll. Jekk
id-dinja tinbidel, tinbidel il-Knisja wkoll, mhux fil-Fidi tagħha, imma
fil-pastorali tagħha, fil-mod kif twassal il-Fidi tagħha lid-dinja,
fl-istrumenti li tuża biex ixxandar lil Kristu u s-Salvazzjoni li hemm fih għal
kull bniedem. Hu żmien fejn sar
indispensabbli li l-Knisja tagħfas fuq l-Aħbar it-Tajba iktar minn fuq kull
ħaġa oħra. Il-bniedem ma jasal qatt biex
jgħix stil ta’ Ħajja Nisranija kif titlob il-morali Nisranija, jekk qabel ma
jkunx twieled mill-ġdid fil-Fidi f’Ġesù.
Dan hu punt kritiku. Ħafna ma
jagħrfux li hemm differenza bejn il-Fidi adulta fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu
u l-prattika reliġjuża ta’ quddiesa kuljum jew darba fil-ġimgħa.
Wieħed jista’ jkun
“reliġjuż” bla ma jkun Nisrani! Jien
nista’ nkun “reliġjuż” u ngħid li jien “tal-Knisja”, imma hemm dikatomija,
firda bejn kif inġib ruħi fil-knisja u barra minnha. Jien nista’ ngħid li jien “tal-Knisja” imma
ma nifhimx lill-Knisja meta titkellem ċar u tond fuq temi kontroversjali
bħall-abort, l-awtanasija, xi metodi tal-IVF, l-idejat ‘moderni’ dwar il-ġeneru
eċċ. Jista’ jkun li lanqas biss
jinteressani ninforma ruħi għaliex il-Knisja sikwit titkellem b’mod li jidher
“iebes” u mhux populista.
Noqogħdu attenti
għax fil-verita il-Kristjaneżmu tagħna sar biss ‘badge’ kulturali, tradizzjonali, imma meta naslu biex nieħdu
deċiżjoni iebsa, nintelqu mal-kurrent u lanqas biss nifhmu lill-Knisja li
minnha nagħmlu parti.
Il-Qari
fil-Quddiesa tal-lum jitkellem b’mod qawwi fuq x’inhi l-Fidi, imma jista’ jkun
li nħalluh jgħaddi minn fuq rasna bla ma jaffettwana xejn. Il-Ktieb tal-Għerf, fl-Ewwel Qari, jisħaq li
Iżrael baqa’ ggranfat mal-Fidi f’Alla wieħed, imdawwar minn baħar ta’ ġnus
pagani li jixbhu lill-kultura tagħna tal-lum.
Għaliex irnexxielu jibqa’ jemmen f’Alla li ma jidhirx u li sikwit kien
idaħħal lill-poplu tiegħu fi Storja li ma kienx jifhem? Kienet infatti din l-Istorja tiegħu li saħħet
il-Fidi tal-poplu Lhudi. Iżrael ra lil
Alla jaħdem fl-Istorja tiegħu, bħalma aħna mistiedna narawH ukoll! Ir-rigali ta’ Alla qatt ma jiġu mġeżwra
f’karti sbieħ. L-ewwel reazzjoni tagħna
quddiem il-Mogħdija tal-Mulej minn Ħajjitna, dejjem hi waħda ta’ qatgħa, ta’
“x’ġej issa?” Aħna nħobbu nkunu ilma
qiegħed, kollox kwiet. Anke Iżrael.
Il-Ktieb tal-Għerf
ifakkar fil-Mogħdija tal-Mulej minn fuq l-Eġittu meta dawk li emmnu fiH u kienu
qed jisennewH bil-ħerqa ġarrbu xi ħaġa tal-għaġeb: il-Mewt qerdet lill-għedewwa
u huma nħellsu minn taħt il-jasar. Din
l-esperjenza mmarkat lill-poplu minn ġenerazzjoni għall-oħra, elf sena wara elf
sena. Mhux tagħlim, imma
esperjenza! Jew, mhux tagħlim biss, iżda
wkoll ikollok int x’tirrakkonta dwar Alla f’Ħajtek.
Illum, Alla qed
jiżbor il-Knisja. Ħafna ħerġin
minnha. Alla jrid jgħidilna xi ħaġa b’dan.
Jekk int tifhem il-Grazzja li l-Mulej poġġiek fil-Knisja tal-lum,
għandek tistaqsi xi jrid jgħid Alla b’din l-emoroġija ta’ nies dejjem jonqsu
mill-attendenza fil-knejjes tagħna. Hawn
parroċċi f’Għawdex fejn l-attendenza hi ta’ 30%. Dan qalu kappillan. Imma l-bniedem tal-Fidi dejjem għandu fiduċja
fl-Istorja anke meta aħna mexjin f’wied mudlam.
Alla hu fidil! Alla ma jidħaq
b’ħadd. Hu wegħedna li se jkun magħna
dejjem. “Dak il-lejl kien imħabbar minn qabel lil missirijietna ħalli jkollhom
biex jifirħu u jserrħu rashom għal kollox mill-ħalfiet li fihom kienu
emmnu.” (Għerf 18, 6). Fi Kristu, l-Missier wegħedna ħwejjeġ
kbar u n-Nisrani hu dejjem ottimist anke meta madwaru kollox jidher
mudlam. Ħadd ma jista’ għall-Knisja għax
il-Knisja hija l-Ġisem mistiku ta’ Kristu u Kristu rebaħ il-Mewt għal
dejjem. Anke aħna għandna sehem minn din
ir-Rebħa ta’ Kristu għax nagħmlu sehem minnU, u dak kollu li hu tiegħu hu
tagħna wkoll. Aħna salvati bil-merti
tiegħu u din il-ġawhra prezzjusa ġġagħalna nkantaw lil Alla: “Qaddis! Qaddis!
Qaddis!”
Jekk il-Knisja
qegħda tinżabar, anke mill-poter u l-għana materjali tagħha, dan hu biex
il-Fdal ikun tassew Dawl li jdawwal u Melħ li jagħti togħma lid-dinja. Meta bniedem li jkun importanti fil-pajjiż u
jkolli prinċipji Nsara, iqum fuq tiegħu u jgħid “Jien ma naqbilx!” quddiem
il-modi ġodda tal-kultura manipulata tal-lum, dan ikun qed jagħmilha ta’ Melħ
li jtejjeb il-borma tad-dinja. Il-Melħ
jagħmel xogħlu billi “jmut”, jinħall, jisparixxi, imma xogħolu jkun
għamlu. Kemm tgħajjir, kalunji, theddid,
emarġinazzjoni għal min hu sod fil-Fidi tiegħu u jagħmel differenza. In-Nisrani mhux dak li jmur il-Knisja
biss. Anke l-Lhud imorru s-sinagoga u
l-Mislem imur il-moskeja. X’ħin immorru
l-knisja biss m’aħna nagħlu xejn speċjali.
Nerġa’ ngħid li jien nista’ mmur il-knisja biex naqdi l-obligi personali
tiegħi bla ma nagħmel differenza ta’ xejn fl-ambjent tiegħi, bla ma nkun Melħ
qatt. Mistoqsija li darba qalu lili u li
mmarkatni kienet: “Int għandek għedewwa minħabba Kristu?” Kelli nirrispondi li le. “Mela m’intix Nisrani!” qaluli... L-Insara huma differenti u jġorru fihom
Spirtu li jqabbad Nar f’qalbhom, Nar ta’ kuraġġ u mħabba. Tassew henjin dawn in-nies! “Imbierek
il-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu, il-poplu li hu għażel b’wirtu.” (S. 32, 12).
Il-Fidi tagħmel li
aħna nemmnu fi ħwejjeġ li ma jidhrux.
Dawn l-affarijiet mhumiex ‘wishful
thinking’. Il-Fidi jifhimha biss min
għandu l-Fidi. Il-Fidi jaf x’inhi biss
min ‘ra’ lil Alla f’Ħajtu. Bħal Abraham,
imma mhux hu biss. Abraham, u Sarah
martu, kienu jafu ħaġa waħda: ma setax ikollhom tfal. Alla kellem lil Abraham, kif jaf ikellem lili
u lilek, għax Alla jkellem lill-bniedem fil-profond l-aktar ġewwieni
tal-identità tiegħu. Qallu li se jkun
missier ta’ ħafna ġnus. Abraham emmen, u
dan kollu seħħ! L-Istorja lil Abraham
qaltlu li Alla jeżisti u jħobbu u jieħu ħsiebu għax tawh it-tarbija f’idu
għadha kif twieldet. Magħna jiġri
l-istess! Forsi mhux bil-mod li qed
naħsbu, imma żgur li b’mod aqwa. Alla
jkellem lil kulħadd! Alla jħobb lil
kulħadd! Tista’ twebbes qalbek kemm
trid, jekk Alla jrid, jinfidha u jidħol fil-ġewwieni tiegħek u jkellmek
hemmhekk, u int issir bniedem ġdid. Alla
jista’ kollox. Alla jitkellem
bl-Istorja. Abraham kien lest joqtol lil
ibnu, tant kien iħossu mdawwar b’Alla u bil-Providenza tiegħU!
Alla jixtieq
jagħtina din il-Fidi li ġġib magħha Fiduċja kbira. “Le,
merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom ġa qatagħha li jagħtikom
is-Saltna.” (Lq. 12, 32). Nemmnuha din il-Kelma ta’ Kristu li qed
jgħidilna? Aħna tgħammidna fiH! Mela għandna nkunu ċerti mis-Salvazzjoni
tagħna, mhux għax aħna ċerti mill-merti tagħna, iżda għax il-Merti Glorjużi ta’
Kristu saru l-Merti tagħna bil-Magħmudija.
Imma din wieħed irid jemminha.
Jekk int ma temminhiex għax taħseb li d-dgħufija tiegħek, id-dnub
tiegħek, dak kollu li huwa int, huma ikbar mill-Imħabba ta’ Kristu, allura int
tkun qed twarrab l-Aħbar it-Tajba u tibqa’
fqir, beżgħan, ma tafx x’se ssib.
Imma Kristu qalilna li se jmur ilestielna post. Ma qagħadx iħares lejn wiċċna lejn min aħna,
jekk aħniex midinbin jew le. Il-Ħalliel
it-Tajjeb Kristu ħadu miegħU il-Ġenna għax hu emmen fiH. Il-Fidi.
Il-Fidi fi Kristu li tgħabba bid-dnubiet kollha tiegħi u sammarhom
mas-Salib u issa dejni tħallas kollu.
Jekk jien tassew nemmen dan, għandi nagħmel differenza. Jien insir
“Nisrani”, mhux sepliċement “reliġjuż”.
Tant hu kbir l-għana ta’ Kristu, li l-Vanġelu tal-lum jgħidilna li
l-għana materjali, li tant nitqanżħu għalih, mhu xejn ħdejh. Kliem Kristu dan u żgur li mhux tiegħi!
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Kif int ikkastigajt l-għedewwa tagħna, hekk sebbaħt lilna meta
sejjaħtilna għalik.
Għerf 18:6-9
Qari mill-Ktieb
tal-Għerf
Dak il-lejl tal-ħelsien tħabbar minn qabel lil
missirijietna,
biex, wara li għarfu sewwa f’liema wegħdiet emmnu,
aktar iqawwu qalbhom.
Il-poplu tiegħek stenna l-ħelsien tal-ġusti,
u l-qerda tal-għedewwa tagħhom,
għax kif int ikkastigajt l-għedewwa tagħna,
hekk sebbaħt lilna meta sejjaħtilna għalik.
L-ulied twajba tal-ġusti offrew sagrifiċċju
bil-moħbi,
u lkoll fehma waħda qagħdu għal-Liġi ta’ Alla:
li l-qaddisin tiegħek jaqsmu xorta bejniethom
kemm il-ġid u kemm id-deni;
għalhekk minn qabel għannew tifħir missirijiethom.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 32 33):1,12,18-19,20,22
R/.(12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu.
Għannu, ġusti,
bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirtu. R/.
Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.
Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.
Qari II
Kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt, li l-imgħallem u l-bennej tagħha
huwa Alla.
Lhud 11:1-2,8-19
Qari mill-Ittra
lil-Lhud
Ħuti, il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna
nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx. In-nies tal-imgħoddi għoġbu
lil Alla sewwasew għax kellhom il-fidi. Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham
jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih
b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.
Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art
imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien ma’
Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu tal-istess wegħda; għax hu kien iħares
’il quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha
huwa Alla.
Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla
fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li
għamlilha l-wegħda. Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid
mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt
il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.
Kollha bil-fidi mietu dawn in-nies. Kienu għadhom
ma ħadux dak li kien imwiegħed, iżda huma rawh mill-bogħod u sellmulu, waqt li
għarfu li huma kienu barranin u għorba fuq l-art. Tabilħaqq, dawk li jitkellmu
b’dan il-mod juru ċar li huma qegħdin ifittxu pajjiż għalihom. Li kieku kellhom
fi ħsiebhom il-pajjiż li minnu kienu ħarġu, kellhom żmien biżżejjed biex
jerġgħu lura fih. Imma issa huma jixtiequ pajjiż aħjar, jiġifieri, dak
tas-sema. Huwa għalhekk li Alla ma jistmellx jissejjaħ Alla tagħhom, għax hu
ħejja belt għalihom.
Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l
Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li
kien ħa l-wegħdiet, hu li Alla kien qallu: “Minn Iżakk int għad ikollok nisel”.
Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens
ta’ tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 24:42a,44
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ishru u kunu lesti,
għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi
Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Kunu lesti intom ukoll.
Lq 12:32-48
Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Le,
merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Bigħu
ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor
li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma
tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll. Żommu
ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil
sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih.
Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom,
li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U
kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda
fuq dmirhom, henjin huma! Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin
ikun ġej il-ħalliel, ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu
lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin
il-bniedem”.
Qallu Pietru: “Mulej, din il-parabbola qiegħed
tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”. Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu
l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex
jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu
jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh. Imma nagħmlu
mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu: ‘Sidi jiddawwar ma jiġi’, u jaqbad
isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u
s-sokor; sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li
fiha jieħdu għall-għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies
li mhumiex fidili. U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma
jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’. Min imbagħad, bla ma
jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit
jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min
ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|