Wednesday, 29 June 2022
           
Home
Centru ta' Teologija Kattolika se jiftah f'Hamburg
Written by Mary Xerri   
Saturday, 29 May 2010

Hamburg University

Rapporti tal-Vatikan qalu li l-Universita ta’ Hamburg qed tħejji għat-tnedija ta’ ċentru ġdid ta’ Teoloġija Kattolika u pedagoġija tar-reliġjon. L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan irrapporta li fit-18 ta’ dax-xahar, is-Santa Sede u l-belt ta’ Hamburg fil-Ġermanja “ffirmaw ftehim dwar il-ħolqien ta’ dan iċ-Ċentru”. L-Universita ta’ Hamburg għandha Ċentru simili għat-teoloġija protestanta fuq il-kampus.

L-Arċidjoċesi ta’ Hamburg irrappurtat li l-inizjattiva għandha bħala għan li tiżviluppa t-Teoloġija Kattolika fi djalogu ma’ xjenzi oħra, u aspett partikolari taċ-Ċentru se jkun li jippromwovi id-djalogu bejn il-Knisja u l-Istat dwar it-tagħlim tar-Reliġjon u x-Xjenza.

Il-ftehim kien iffirmat mill-Arċisqof Jean Claude Perisset, nunzju appostoliku għall-Ġermanja, f’isem is-Santa Sede, u mill-Ministru għax-Xjenza u r-Riċerka f’Hamburg, Herlind Gundelach, f’isem l-istess belt. Għaċ-ċerimonja attendew ukoll l-Arċisqof ta’ Hamburg, l-Isqof Awżiljarju u rappreżentanti tal-Universita.

 
Inawgurata l-Istatwa 'Mater Dei'
Written by Mary Xerri   
Saturday, 29 May 2010

It-Tlieta, 25 ta’ Mejju, 2010, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. bierek l-istatwa ta’ ‘Omm Alla’, li tinsab quddiem id-daħla prinċipali tal-Isptar Mater Dei. L-istatwa ġiet inawgurata mill-Ministru tas-Saħħa, Joe Cassar. L-istatwa tirrappreżenta lill-Madonna b’espressjoni ta’ dieqa f’wiċċa, b’turija li qeda taqsam kompassjoni mal-marid waqt li b’ideja qeda tbierek lill-ħaddiema, il-morda u l-familjari tagħom huma u deħlin fl-isptar. Filwaqt li binha Ġesu b’idejh miftuha qiegħed jilqa’ fi ħdanu lil dawk kollha batuti, fid-daħla ta’ l-isptar. Il-mantell tal-madonna jgħaddi jixref minn taħt saqajn il-bambin, b’sinifikat ta’ rispett divin kif jixhed l-isem ta’ l-istatwa u l-isptar innifsu: Mater Dei – Omm Alla.

L-istatwa monumentali għolja tlett metri hija opra artistika fil-bronz u ssawret fl-iskultura minn Christopher Ebejer, filwaqt li ġiet fonduta fil-bronż mill-fonderija Joseph Chetcuti.

 
Ir-Relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u Israel fit-triq it-Tajba
Written by Mary Xerri   
Saturday, 29 May 2010

Israel

Ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u Israel ikomplu jieħdu xejra pożittiva fl-aħħar jiem wara laqgħa oħra tal-kummissjoni bilaterali deskritta bħala suċċess.

Il-Kummissjoni bilaterali ta’ ħidma permanenti bejn is-Sanata Sede u l-Istat ta’ Israel iltaqgħet il-Ħamis li għadda “sabiex tkompli negozjati marbuta ma’ Artiklu 10 § 2 tal-Ftehim Fundamentali”, qal komunikat tal-Vatikan.

Il-Ftehim Fundamentali kien iffirmat fit-30 ta’ Diċembru 1993 u kien jistabbilixxi relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ entitajiet. Sa minn dak iż-żmien, iż-żewġ naħat innegozjaw punti partikolari dwar eżenzjoni ta’ taxxa u drittijiet għall-Knisja fejn jirrigwarda propjeta, partikolarment ta’ siti qaddisa.

Il-komunikat tal-Vatikan żied li “t-taħditiet saru f’atmosfera mill-iktar kordjali u kostruttiva u sar progress lejn il-ftehim”. Il-Kummissjoni ta’ ħidma se terġa’ tiltaqa’ fl-14 ta’ Ġunju, b’sessjoni plenarja tiltaqa’ fil-15 ta’ Ġunju fil-Vatikan.

 
Azzjoni Kattolika bi thejjija ghall-Jum Dinji taz-zghzagh
Written by Mary Xerri   
Saturday, 29 May 2010

Wara l-festa ta’ Pentekoste l-Ħadd li għadda, iż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika bdew tħejjija spiritwali fi tliet stadji għall-Jum Dinji taż-żgħażagħ f’ Madrid fl-2011.

“Huwa l-mument li nibdew pellegrinaġġ spiritwali bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Madrid, billi nippreparaw qalbna u moħħna”, qalet Chiara Finocchietti, Viċi President tal-fergħa Taljana taż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika. “Fiċ-ċentru ta’ din il-mixja inpoġġu t-talb u l-appoġġ lill-qaddisin”.

Mexxejja tal-Azzjoni Kattolika qed jipproponu pellegrinagg spiritwali lejn dawk il-pajjiżi fejn il-grupp huwa attiv. Tlettax-il stadju. Kull pass tal-vjaġġ, li jiżviluppa f’laqgħat kull xahar, joriġina minn vers ta’ talb bi tħejjija għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u meditazzjoni bibblika minn wieħed mill-vanġeli ta’ dak il-perjodu. Kull meditazzjoni bi ftit introduzzjoni, segwita minn riflessjoni dwar il-Kelma t’Alla. Tagħlaq b’xiehda mill-ħajja ta’ qaddis żagħżugħ jew membru beatifikat tal-Azzjoni Kattolika, b’biografija qasira u xi vrus sinifikanti ta’ dak il-qaddis, kif ukoll x’ikun qal dwaru jew dwarha l-Papa.

Il-pellegrinaġġ spiritwali hu maħsub għal talb individwali kif ukoll għall-grupp, fuq livell parrokkjali u anki djoċesan. Il-meditazzjonijiet jistgħu faċilment jiġu printjati, ikkuppjati u mqassma. Finocchietti temmet tgħid li dan jista’ jkun ta’ okkażjoni għall-individwu biex jiltaqa’ ma’ żgħażagħ ġodda minn gruppi oħra u jaqsam magħhom il-ħsibijiet u l-attitudni tiegħu lejn iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Madrid.

L-ewwel meditazzjoni li bdiet fil-Ħadd ta’ Pentekoste u ttul sal-20 ta’ Ġunju hi mdawwla mill-figura ta’ Pier Giorgio Frasati, padrun tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid. L-20 anniversarju mill-beatifikazzjoni ta’ Frasati tfakkar nhar il-Ħamis li għadda.

Last Updated ( Saturday, 29 May 2010 )
 
Il-Papa f'Cipru bejn l-4 u s-6 ta' Gunju
Written by Mary Xerri   
Saturday, 29 May 2010
 

Nicosia St.Sophia

“Ejja nagħtu merħba xierqa lill-Papa, raġel ta’ djalogu, paċi u ġustizzja. Iż-żjara tiegħu f’pajjiżna għandha ssaħħaħ il-valuri li s-soċjeta tagħna teħtieġ”. Dan l-appell sar mill-Arċisqof Maronita ta’ Ċipru, Youssef Soueif, li huwa l-koordinatur ġenerali taż-żjara għall-komunita Kattolika Ċiprijotta. Iż-żjara tal-Papa se ssir bejn l-4 u s-6 ta’ Ġunju.

Meta tkellem dwar it-tħejjijiet għal din iż-żjara, Youssef Soueif qal li “l-aspettattivi huma kbar, kif rifless fl-eċċitament u l-entużjażmu. Involvejna direttament lill-parroċċi fit-tħejjijiet għal din l-attivita li nemmnu li għal tliet ijiem sħaħ se tagħmel l-aħbarijiet madwar id-dinja”.

Iktar minn hekk indika li teżisti l-ħtieġa ta’ għajnuna speċjalment fil-kamp taż-żgħażagħ. “Jinħtieġu żgħażagħ biex jgħinu lil dawk li ġejjin għaċ-ċelebrazzjonijiet.” Mons Soueif antiċipa li huma mistennija jattendu mas-6,000 persuna fl-iskola primarja ta’ San Maron f’Nicosia fil-5 ta’ Ġunju; mas-6,500 fil-faċilitajiet sportive ta’ Elefteria f’Nicosia l-għada; minbarra l-eluf li se jkunu qed isegwu kollox fuq big screens armati apposta fuq barra. Mal-4000 huwa stmat li se jkunu qed jattendu għaċ-ċerimonja ekumenika fis-sit arkeoloġiku tal-Knisja f’Paphos.

Appell simili sar mill-Knisja Ortodossa Ċiprijotta. L-Arċisqof Maronita temm jgħid li tul iż-żjara “se ngħixu esperjenza ta’ multikultura fejn il-kattoliċi, l-Ortodossi u l-Musulmani se jgħixu u jaqsmu l-ġrajja flimkien minkejja d-differenzi reliġjużi ta’ bejniethom”.

 
Sollennita ta' Pentekoste
Written by Trevor Sultana   
Saturday, 22 May 2010

Il-Knisja taghlaq il-hamsin gurnata ta' zmien il-Ghid permezz tas-sollennita tal-inzul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli.  L-Ispirtu s-Santu, id-Difensur imwieghed minn Gesu nnifsu, jaghmel possibbli l-prezenza ta' Gesu fil-Knisja wara t-tlugh tieghu fis-sema.  Permezz tal-Ispirtu s-Santu, il-misteru tal-Ghid li wettaq Gesu, jista' jsir prezenti f'kull post u f'kull zmien, fis-Sagramenti tal-Knisja.  Ejjew nitolbu ta' spiss lill-Ispirtu Qaddis biex idawwlilna mohhna u jqanqlilna qlubna biex inhobbu lill-Mulej Gesu.

Spirtu Qaddis li hlaqtna,
ejja lill-mohh dawwlilna, imla bil-grazzja tieghek, il-qlub li int hlaqtilna.
 
<< Start < Prev 51 52 53 54 55 56 57 58 59 Next > End >>

Results 1327 - 1352 of 1523