Din
hija il-Liturgija tas-Sollenita' tal-Gisem u D-Demm ta' Kristu (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Festa tal-“Corpus Christi” jew “Corpus Domini” hi
waħda mill-akbar fil-Liturġija tal-Knisja Kattolika. Hi Festa li għal żmien twil kienet tnissel
qima kbira fost il-membri tal-Knisja u hi magħrufa ħafna għall-Purċissjoni
solenni b’Ġesù preżenti Ħaj fl-ispeċi tal-Ħobż tal-Ewkaristija. Din il-Purġissjoni devota ssir kull fejn
teżisti l-Knisja Kattolika fid-dinja, bid-drawwiet u l-kultura tal-post li
jkun. F’din is-Solennità l-Knisja
tiċċelebra t-Teżor tal-Preżenza ta’ Kristu, bil-Ġisem (fil-Ħobż) u bid-Demm
(fl-Inbid), tal-Mulej. Bħall-Festi
l-oħra kollha, hi Festa kateketika minnha nnnifisa għax tmiss il-qalba tal-Fidi
Nisranija: l-Ewkaristija. F’ħafna
pajjiżi għadha tinżamm il-Ħamis fuq t-Trinità u hi festa kmandata.
Din il-Festa tant għażiża, speċjalment għal dawk li
jiftakruha fil-popolarità kollha tagħha ħamsin, sittin sena ilu, oriġinat
fil-Belġju f’nofs is-seklu tlettax.
Il-Papa Urbanu IV ordna li tinżamm mal-Knisja universali kollha u malajr
saret waħda mill-Festi l-kbar tal-Knisja.
F’pajjiżna, bħal f’ħafna pajjiżi oħra, hija marbuta mal-Ewwel Tqarbina
tat-tfal. Jien niftakar meta l-Purċissjoni kienet issir b’mod ħafna iktar
elaborat u solenni, bi friegħi żgħar ħodor u ward imferrxa tul it-triq kollha,
u xi żewġ artali kienu jintramaw f’postijiet differenti biex hemm tinagħta
l-Barka Sagramentali. Din il-Festa
inqatgħet mill-pajjiżi li qalbu għal mar-Riforma Protestanta u hi ħasra li anke
f’ħafna pajjiżi Kattoliċi qed issir festa oħra fost tant li għandna.
Il-kateketika ta’ din il-Festa hi dwar il-Preżenza reali
tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fl-ispeċi
tal-Ħobż u l-Inbid. Mill-bidu tal-għażla
ta’ Iżrael bħala l-Poplu Magħżul ta’ Alla, nibtet u kibret f’qalb il-bniedem
it-tħannin għall-Preżenza tal-Mulej fil-qalba tal-Poplu tiegħU. Din il-Preżenza, imsejħa x-“Xekinah”
mil-Lhud, kienet ta’ bżonn enormi għal nies ilsiera li kienu nfdew mill-Eġittu
iżda li ħassew lilhom infushom dgħajfa wisq quddiem l-enormità tal-esperjenza
li kienu qed jgħixu. Alla saħħaħhom u
tahom is-sigurtà li tant kellhom bżonn billi kien ikun preżenti f’nofshom fi
Sħaba matul il-jum u kolonna tan-Nar bil-lejl.
U l-Mulej binhar kien jimxi
quddiemhom f’kolonna ta’ sħab biex jurihom it-triq, u billejl f’kolonna tan-nar
biex jagħtihom id-dawl. U l-kolonna tas-sħab binhar u l-kolonna tan-nar billejl
ma kinitx tgħib minn quddiem il-poplu.
(Eżod. 13, 21-22).
Din il-Preżenza Alla ried iżommha b’mod permanenti meta
ordna lil Mosè biex ifasal Tinda kbira fuq il-qisien u t-tfassil li tah Hu
stess. Kienet tintrema meta l-Poplu kien
jieqaf għal xi żmien f’xi oażi tad-deżert, u Alla kien juri li hu preżenti
f’din “it-Tinda tal-Laqgħa”. Il-Poplu
kien iħares lejn it-Tinda u kien jaf li Alla kien miegħu u li ħadd u xejn ma
kien jista’ għalih. Din it-Tinda kienet
xbiha eżatta li fuqha nbena t-Tempju ta’ Salamun, u t-Tempji li ġew wara. Fil-qalba tat-Tinda fid-deżert u fil-qalba
tat-Tempju ta’ Ġerusalemm, kien hemm il-kamra misterjuża, imsejħa “il-Qaddis
tal-Qaddisin”, l-aktar post sagru fuq l-art kollha, l-imkien fejn kien hemm il-Preżenza
ħajja ta’ Alla mal-bnedmin fuq l-għatu tal-Arka. Għalhekk, għal-Lhudi, Ġerusalemm saret
il-Belt il-Qaddisa għax fiha kien jgħammar Alla magħhom.
Imma ftit qabel il-qerda tat-Tempju u ta’ Ġerusalemm minn
Nabukkodonosor, il-Profeta Eżekjel jara x-Xekinah ta’ Alla tabbanduna t-Tempju
għax il-Poplu kien taha għall-qima tal-idoli tad-dinja. Mingħajr il-Preżenza ta’ Alla, kollox tilef
is-sens tiegħu. It-Tempju ġie maħruq,
il-Belt sofriet qerda totali u l-Poplu tkaxkar lejn Eżilju ta’ sebgħin sena.
Mal-Miġja tal-Messija, iktar minn qatt qabel, Alla hu
“Għimmanu-El”, “Alla Magħna”. Alla
bagħat lil Ibnu biex ikun il-Ħaruf li jinagħta bħala Tpattija għad-Dnub
tad-dinja kollha. L-umanità kienet
imjassra fid-dubju dwar Alla; umanità li tivvinta l-idoli tagħha għax kienet
maqtugħa miċ-ċertezza tal-Fidi f’Alla l-veru.
Dan kollu kien frott il-waqgħa ta’ Adam u Eva. Imma Kristu ġie biex ikun it-Tieni Mosè li
joħroġ mhux poplu wieħed, iżda lill-bnedmin kollha li jemmnu fiH mill-Eġittu
tal-jasar u tal-biża tal-Mewt. Il-Knisja
issa saret il-Poplu Qaddis, il-Ġemgħa li temmen fl-Iben ta’ Alla.
Iżda mar-ritorn ta’ Kristu lejn is-Sema, din il-Ġemgħa ma
tħallietx iltima. Għadna kif iċċelebrajna l-Memorjal tal-Preżenza tal-Ispirtu
s-Santu fil-Knisja. Ċorma ċkejkna ta’
nies sempliċi, bla skola jew statura soċjali, saru Nar, konvinti li Alla kien
preżenti magħhom kull fejn imorru. Hija
din “il-Preżenza” li xerrdet il-freskezza tal-Aħbar Nisranija mal-ġnus kollha
magħrufa ta’ dak iż-żmien. Ħaġa
tal-għaġeb! Imma barra l-Ispirtu tiegħU,
Kristu ried li jibqa’ fil-qalba tal-Knisja tiegħu b’mod tassew
sorprendenti. Hawn il-lejl qabel ma
bata, Hu għex l-ewwel Ewkaristija mal-aħħar dixxipli li kienu baqgħu miegħU. Kif kollox kien jidher mitluf u fallut,
fil-lejl mudlam tal-Fidi, Kristu jinagħta kollu kemm Hu biex jibqa’ preżenti
ma’ dawk li Hu ħabb għall-aħħar. Kien
Kristu nnnifsu, Alla nnifsu, li lissen il-Kelmiet epokali li l-Knisja baqgħet
tlissen f’kull Ewkaristja għal elfejn sena sħaħ: “Ħudu, kulu, dan hu ġismi.”
“Ixorbu lkoll minn dan, għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li
jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.” (Mt. 26, 26-28). Ara
wkoll Mk. 14, 22-25; Lq. 22, 19-20.
Mat-twelid tal-Knisja f’Għid il-Ħamsin, hija bdiet
tiċċelebra u tgħix “l-Ikla tal-Mulej”.
L-Ewkaristija saret il-fulkru tal-Fidi Nisranija. L-Ewkaristija saret il-mument meta il-Preżenza
reali tal-Mulej mad-dixxipli kienet tkun fl-aqwa tagħha, tassew ħajja, tassew
vera. Għall-ewwel l-Insara kienu
jiċċelebraw “il-Misteri” darba fil-ġimgħa, ma nżul ix-xemx tas-Sibt, dħul
il-Ħadd. San Ġustinu jagħtina stampa
ċara fil-kitbiet tiegħu kif kienet issir l-Ewkaristija fl-ewwel sekli. Il-Konċilju Vatikan II irritorna b’mod qawwi lejn l-Ewkaristija li
ddiskriva Ġustinu u qatgħu ħafna drawwiet u żidiet li, jekk kien he bżonnhom fi
żmienhom, kienu saru bħal ħafna għata fuq il-ġawhra li hi l-Ewkaristija.
L-Ewkaristija tiċċelebra l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu,
l-Għotja totali u qaddisa tal-Iben ta’ Alla għal kull wieħed minna,
midinbin. Fuq il-Kalvarju Hu ta Ġismu u
Demmu biex ikun il-Ħaruf li jpatti għall-ħtijiet u jbeżża’ lill-Mewt, kif
id-demm tal-Ħaruf imċappas mad-djar tal-Lhud fl-ewwel Għid kien werwer lil-Mewt. F’dak il-lejl il-Mewt, il-veru mostru li hi
l-problema l-kbira ta’ kull bniedem, għaddiet minn kull triq u minn kull dar f’pestilenza
tal-biża’, imma qabżet, “Pass-over”
lid-djar tal-Lhud li ċappsu l-bibien tagħhom bid-Demm tal-Ħaruf. Il-Mewt tibża’ mill-Ħaruf tal-Għid! Il-Mewt tibża’ mill-Ewkaristija! Kristu jibqa’ jagħtina Ġismu u Demmu l-Qaddis
biex isir Ikel li jbeżża’ l-Mewt ta’ Dejjem.
Għalhekk kull darba li nieklu minn dan il-“Ħobż” u nixorbu minn dan
id-“Demm” inkunu qed nieklu u nixorbu l-Ħajja li ma tintemmx, il-Ħajja ta’
Dejjem li tibda minn hawn imma li tilħaq il-milja tagħha fl-Eternità.
Hu għalhekk li kull fejn hemm il-Knisja ppersegwitata,
l-Insara li jinsabu fit-tbatija minħabba x-xhieda tagħhom għal Ġesù ma jistgħux
jgħaddu mingħajr l-Ewkaristija, mingħajr ma jieklu u jixorbu l-Ħajja li hemm fi
Kristu. Jirrakkontaw fil-Martirju
tal-Insara f’Bitinja fi żmien il-persekuzzjonijiet Rumani li kien hemm suldat
Ruman li sar jaf li sħabu kienu se jarrestaw l-Insara meta jkunu kollha miġburin
għall-Ewkaristija s-Sibt bil-lejl. Billi
kellu ħabib tal-qalb li kien wieħed minn dawn l-Insara, is-suldat qallu biex
dak in-nhar ma jersaqx ’l hemm għax kien hemm il-Mewt tistenna lilu u
lill-oħrajn. Dan in-Nisrani malajr
għarraf b’dan lil sħabu. X’taħsbu li
għamlu l-aħwa ta’ din il-Komunita Nisranija?
Huma marru fl-istess ħin u fl-istess post għall-Ewkaristija għax ma
kinux jgħaddu mingħajrha! Ġew arrestati
u ħadu l-Martirju.
Imma dan għadu qed jiġri llum, fl-Afrika, l-aktar
fin-Nigerja fejn hemm persekuzzjoni ħarxa minn terroristi Musulmani. Ħafna, ħafna knejjes ġew sploduti meta kienu
mimlija bin-nies jiċċelebraw l-Ewkaristija, l-aħħar waħda nhar il-Pentekoste li
għadda. Tant huma frekwenti dawn l-atroċitajiet
li lanqas għadhom isemmuhom fl-Aħbarijiet.
Ħadd ma għadu jagħti kas! Imma
qed jerġa jseħħ dan il-għaġeb li l-Insara vera ma jgħaddux mingħajr
l-Ewkaristija, mingħajr ma jirċievu fihom il-Preżenza reali ta’ Kristu li hu
l-Ħajja tagħhom. Qed jixhdu, dawn
l-Insara, li Kristu tassew rebaħ il-Mewt u f’dawk kollha li hu jgħammar hemm
il-ħelsien mill-biża’ tal-Mewt. Din hija
r-rebħa l-kbira ta’ Kristu.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Ħareġ bil-ħobż u l-inbid.
Ġen 14:18-20
Qari mill-Ktieb
tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, Melkisedek, sultan ta’ Salem, li
kien qassis ta’ El-għeljon, Alla l-għoli, ħareġ bil-ħobż u l-inbid. U bierek
lil Abram u qallu:
“Imbierek Abram minn Alla l-għoli,
li għamel is-sema u l-art.
U mbierek Alla l-għoli
li reħa f’idejk l-għedewwa tiegħek”.
U Abram tah l-għexur minn kollox.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 109(110):1,2,3,4
R/.(4bc): Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek.
Il-kelma tal-Mulej lil Sidi:
“Oqgħod fuq leminti,
sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek
mirfes taħt riġlejk”. R/.
Ix-xettru tal-qawwa tiegħek
jibgħat il-Mulej minn Sijon:
aħkem f’nofs l-għedewwa tiegħek! R/.
Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek
fuq l-għoljiet imqaddsa,
sa minn qabel is-sebħ
bħan-nida jien nissiltek. R/.
Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobbx bih:
“Inti qassis għal dejjem
bħal Melkisedek!”.
R/.
Qari II
Kull meta tieklu u tixorbu, ixxandru l-mewt tal-Mulej.
1 Kor 11:23-26
Qari mill-Ewwel Ittra
ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li
għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa
l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom;
agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.
Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal:
“Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu,
b’tifkira tiegħi”.
Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan
il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Sekwenza
Is-sekwenza tista’
ma tingħadx. Tista’ wkoll tingħad fil-forma l-qasira li tibda: Dan ħobż
l-anġli, magħmul ikel.
Faħħar, Sijon, lill-Feddej,
ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej,
bl-innijiet u bl-għana.
Ibqa’ faħħru daqskemm tista’,
għax hu ’l fuq minn kull
tifħir,
qatt ma tfaħħru kemm jistħoqqlu.
Għat-tifħir ħaġa tal-għaġeb,
il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja,
hawn quddiemna f’dan il-jum.
Dak il-ħobż li fuq il-mejda
lill-appostli fl-ikla mqaddsa
kien ingħata biex jikluh.
Ikun sħiħ it-tifħir tiegħek,
b’qalb ferrieħa, b’leħen għoli,
ikun jixraq ferħ ir-ruħ.
Għax dal-jum ta’ festa kbira,
ta’ dik l-ikla hu t-tifkira,
meta saret l-ewwel darba.
F’dina l-ikla s-Sultan tagħna,
l-Għid il-ġdid tal-liġi l-ġdida,
temm għalkollox l-Għid qadim.
Il-qadim twarrab mill-ġdid,
dak li hu ġie flok ix-xbieha,
id-dawl biegħed dlam il-lejl.
Dak li twettaq fl-Aħħar Ċena,
Kristu ried jibqa’ jiġġedded,
biex ikun tifkira tiegħu.
Imgħallmin b’tagħlim imqaddes,
nibdlu l-ħobż u l-inbid tagħna
b’sagrifiċċju għas-saħħa tagħna.
Twemmin ġdid lilna l-Insara,
li dal-ħobż jinbidel f’Ġisem,
u l-inbid jinbidel f’Demm.
Dak li ma tarax jew tifhem,
it-twemmin isaħħu u jwettqu
fuq kull ordni tan-natura.
Taħt xbihat fejn aħna nilmħu
mhux il-ħajja, imma sinjali,
jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.
Ikel Ġismu, xorb hu Demmu;
iżda Kristu sħiħ hemm moħbi
taħt kull waħda mix-xbihat.
Sħiħ jittiekel Kristu kollu,
bla jitkisser, bla jitfarrak,
bla jinqasam minn min jieħdu.
Jieklu elf u jiekol wieħed,
kemm ħa dan, hekk jieħdu huma,
bla jintemm meta jittiekel.
Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;
imma ’l dawk iġib il-ħajja,
lil dawn jixħet fit-telfien.
Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba,
ara kif jinbidel fihom,
għalkemm jieħdu l-istess ikel.
Meta l-Ostja tkun maqsuma,
la tibżax, imm’inti ftakar,
taħt ix-xbieha ta’ kull farka
hemm jinsab daqs fl-Ostja sħiħa.
Ebda ksur ma jsir fi Kristu;
biss ix-xbieha tkun miksura:
u b’dal-ksur xejn ma jitnaqqas
f’Dak li hu taħt din ix-xbieha.
Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel
għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,
ikel bnin għall-ulied kollha,
li m’għandux fix-xejn jintrema.
Bi xbihat kien ilu mħabbar,
f’dik l-offerta ta’ Iżakk,
fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,
u fil-manna tad-deżert.
Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,
Ġesù tagħna, ħenn għalina;
int itmagħna u ħarisna:
inti lilna l-ġid urina
fl-art imbierka tal-ħajjin.
Int li taf u tista’ kollox,
li titmagħna hawn f’dil-ħajja,
hemm agħmilna lkoll imsieħba,
f’għaqda waħda lkoll werrieta
mal-qtajjiet tal-qaddisin.
Ammen. Hallelujah.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 6:51
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid
il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal
dejjem.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Kulħadd kiel u
xaba’.
Lq 9:11b-17
Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qagħad ikellem il-folol fuq
is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. Il-jum kien
wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru
fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax
hawnhekk qegħdin f’post imwarrab”.
Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”.
Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għall-inqas ma mmorrux aħna
stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!”.
Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal
lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin”. Hekk għamlu, u
qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda.
Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’
għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom
lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi
tnax-il qoffa.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|