L-AHHAR HADD MATUL IS-SENA (2020) SOLENNITÀ TA’ SIDNA GESÙ KRISTU SULTAN TAL-HOLQIEN KOLLU |
Written by Frans Galea
|
Saturday, 21 November 2020 |
Din hija il-Liturgija L-AHHAR HADD MATUL IS-SENA (2020) SOLENNITÀ TA’ SIDNA GESÙ KRISTU SULTAN TAL-HOLQIEN KOLLU ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fi żmien tant imqalleb u diffiċli li fih
il-bniedem huwa mġiegħel jinduna bid-dgħufija tiegħu minħabba din l-epidemija
tal-Covid-19, il-Knisja bil-kuraġġ u b’ottimiżmu tiċċelebra u tgħix il-Fidi
tagħha fi Kristu bħala s-Sultan ta’ kulma jeżisti u l-Mexxej u Kap tal-Istorja,
mhux biss personali tiegħi u tiegħek, imma tad-dinja kollha, bil-politika,
poteri u setgħat, kulturi u modi tagħha kollha.
Kristu huwa t-Tama tad-dinja; Huwa hu l-qawwa pożittiva li kapaċi toħroġ
ġid enormi mid-dlam tal-qerda u tbatija.
Kristu huwa ż-żerniq ta’ kull problema; Huwa
hu li jdawwar f’Għid glorjuż il-ħakma tal-Mewt għax Hu huwa l-Waħdieni li
rebħilha. U dan kollu jgħodd ukoll għal
dawk li jemmnu fiH, dawk li jemmnu fiH b’Fidi dejjem tikber, għax huma jsiru
parti minnU. Din hija l-Glorja vera
tal-bniedem: li jiġi ngastat, imlaqqam, imsawwar fi Kristu nnifsu, u għalhekk
ir-rebħa ta’ Kristu hija r-rebħa tan-Nisrani.
Mhux ta’ b’xejn li l-Ġemgħa li temmen tkanta, waqt li d-dinja tibża’ minn
dak li għaddej mingħaliha, u l-infern jitriegħed quddiemU.
|
Read more...
|
|
Il-Bullettin tal-Hadd 15 ta' Novembru 2020 |
Written by Frans Galea
|
Saturday, 14 November 2020 |
|
|
IT-TLIETA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA 2020 IN-NISRANI: IL-BNIEDEM TAT-TALENTI |
Written by Frans Galea
|
Saturday, 14 November 2020 |
Din hija il-Liturgija tat-Tlieta u Tletin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-lingwi kollha tal-pajjiżi b’kultura
Nisranija għandhom ħafna kliem u espressjonijiet imnissla mill-Bibbja, u waħda
minnhom hija “talent”, kelma Griega
li kienet tfisser qjies ta’ toqol u anke ta’ flus. Talent bħala qjies ta’ flus kien jiswa ħafna,
ħafna. Biżżejjed inżommu f’moħħna li
“talent” kien jaqilgħu bniedem tas-sengħa f’disa’ snin xogħol! Minn xi s-seklu tlettax ’l hawn, din il-kelma
bdiet tiġi adottata għal xi kapaċità, sengħa, arti, kariżma li jkollu
l-bniedem. Din il-bidla fit-tifsira
tagħha hi konsegwenza tal-parabbola li l-Knisja tpoġġi quddiemna f’dan il-Ħadd
ta’ qabel tal-aħħar tas-Sena Liturġika.
Kull bniedem hu mżejjen minn Alla b’xi talent
jew talenti bl-iskop li kull bniedem jgħin fl-iżvilupp tal-ħolqien. Għax Alla għandu pjanijiet sbieħ għal kull
bniedem u għall-ħolqien kollu, kif tgħid l-Antifona tad-Dħul tal-Ewkaristija
għal dan il-Ħadd: “Il-ħsibijiet li
għandi għalikom, igħid il-Mulej, huma
ħsibijiet ta’ sliem mhux ta’ ħsara.”
(Ġer. 29, 11). Għal Alla,
il-ħolqien kollu, imma l-aktar il-bniedem, hu opra ta’ arti li tinsab fi
proċess lejn il-milja. Kulma jmiss ma’
Alla hu mimli ottimiżmu, hu pożittiv.
Huwa d-dnub li jtebba’, li jnissel pessimiżmu, li jdallam bil-biża’ ta’
x’jista’ jiġri. It-tajjeb kollu ġej minn
Alla-Ħallieq u hekk kull talent, kapaċita ta’ arti, sengħa, għerf, kollu ġej
minn Alla, l-għajn u s-sors ta’ kollox.
|
Read more...
|
|
Il-Bullettin tal-Hadd 08 ta' Novembru 2020 |
Written by Frans Galea
|
Saturday, 07 November 2020 |
|
|
IT-TNEJN U TLETIN HADD MATUL IS-SENA 2020 L-GHARUS GEJ! |
Written by Frans Galea
|
Saturday, 07 November 2020 |
Din hija il-Liturgija tat-Tnejn u Tletin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Meta wieħed jistenna, u jkompli jistenna, għax xi ħadd, li fih jemmen u jafda,
wegħedu xi ħaġa, ikun qed juri fedeltà u lejaltà. Il-Knisja ta’ Kristu ilha elfejn sena
tistenna xi ħaġa li l-Għarus tagħħa, Kristu, kien wegħdha permezz
tal-messaġġiera tiegħU meta Hu kien meħud lejn is-sema: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn
is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer.” (Atti 1, 11). Dan il-kliem, l-Appostli ma nsewh
qatt. Huma għaddewh li ta’ warajhom u
hekk baqa’ ġej minn ġenerazzjoni għall-oħra sa ma wasal għandna. Ġesù stess kien qalilhom: “Għax jekk xi ħadd jistħi minni u minn
kliemi, Bin il-bniedem ukoll jistħi minnu meta jiġi fil-glorja tiegħu u
tal-Missier u tal-anġli mqaddsa.” (Lq.
9, 26). U l-aħħar kelmiet
tal-Iskrittura kollha jagħtu xhieda għal din il-Miġja ta’ Kristu fl-aħħar
tad-dinja meta Kristu, l-Għarus, iwiegħed: “Iva,
jien dalwaqt ġej!” (Apok. 22, 20), u l-Għarusa, il-Knisja, twieġeb: Hekk ikun.
Ejja, Mulej Ġesù! (Apok. 22,
20).
Din il-Miġja tal-Iben fl-aħħar taż-żmien tissejjaħ “Il-Parousia tal-Mulej”. Din l-istennija tagħti kulur speċjali lil kif
il-Knisja tħares lejn id-dinja u l-Istorja.
Kristu se jerġa’ jiġi rebbieħ u allura Hu Sid ta’ kulma jiġri, Sid
l-Istorja, u kollox se jitqiegħed taħt riġlejH.
Dan inissel “Għerf” fin-Nisrani li d-dinja m’għandhiex. Id-dinja hi ddominata miż-“Żmien”. Iż-“Żmien” hu arġużin tal-biża’; hu bħal
xadin fuq spallejk il-ħin kollu mqabbad m’għonqok iġegħlek tħaffef għax se
jgħaddik ħaddieħor, jagħfas fuqek biex titħabat u tistinka iktar, isawtek
bit-tensjoni taż-“Żmien” li għaddej.
Iż-“Żmien” jeżisti għax teżisti l-Mewt.
Hija l-Mewt li welldet iż-“Żmien” u bih aħna mhedda kuljum.
|
Last Updated ( Saturday, 07 November 2020 )
|
Read more...
|
|
|