Monday, 23 May 2022
           
Home arrow Home
Il-Bullettin tal-Hadd 21 ta' Novembru 2021
Written by Frans Galea   
Saturday, 20 November 2021
211121jpg.jpg
 bullettin_21-11-2021.jpg
 
L-AHHAR HADD TAZ-ZMIEN MATUL IS-SENA (2021) SULTAN GHAX INAGHTA BHALA OFFERTA
Written by Frans Galea   
Saturday, 20 November 2021

Din hija il-Liturgija ta' l-ahhar Hadd taz-zmien matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gesu_u_pilatu.jpg

 

M’hemm l-ebda sens ta’ trijonfaliżmu meta l-Knisja tipproklama u xxandar li Kristu l-Għarus tagħha huwa s-Sultan tal-Ħolqien kollu.  M’hemm l-ebda festa tar-rebħa fuq l-għedewwa.  Issaltan biss l-Imħabba għall-għadu.  Kristu huwa Sultan li jħaddan fiH il-Ħolqien kollu, għax huwa l-Waħdieni li jħobbu b’tali mod li jmut għalih, li jinagħta mingħajr l-ebda ħjiel ta’ egoiżmu.  Kristu huwa l-Waħdieni li kiber billi ċċekken, li ġie mgħolli fuq kollox u kulħadd għax wettaq kenosi, tneżża minn kulma kellu biex jgħolli lil kulħadd ’il fuq.

 

L-Antifona tad-Dħul taċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika tal-lum, meħuda mill-Apokalissi, tiddiskrivi eżatt il-karattru ta’ dan is-Sultan u din is-Saltna.  “Jistħoqqlu l-Ħaruf li kien maqtul li jirċievi l-qawwa u l-għana u l-għerf u s-saħħa u l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir; lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem.  (Apok. 5, 12;  1, 6).  Dan hu Sultan, din hija Saltna, din hija Rebħa għal kollox differenti minn dawk li toffri d-dinja.  Kristu rebaħ meta tilef.  Meta miet sar Ħaj għal Dejjem.  Meta inagħta fuq is-Salib bħala tpattija għal kulħadd, sar is-Sid ta’ kulħadd.  Fir-rebħa hemm it-telfa għall-infern.  Il-Mewt li hi l-frosta li biha l-infern iwerwer lilna, saret l-istrument li bih l-Imħabba wriet li hi aqwa mill-mibegħda, id-Dawl aqwa mid-dlam, il-Maħfra aqwa mid-dnub, il-Ħelsien aqwa mill-jasar.  L-infern jitriegħed quddiem id-dehra tal-bniedem divinizzat, magħmul iben adottat minn Alla, mogħti natura ġdida, dik ta’ Alla nnifsu.

Read more...
 
Il-Bullettin tal-Hadd 14 ta' Novembru 2021
Written by Frans Galea   
Saturday, 13 November 2021
14_nov_21.jpg
 bullettin_14-11-2021.jpg
 
IT-TLIETA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2021) IN-NISRANI MIMLI TAMA QUDDIEM “IT-TMIEM”
Written by Frans Galea   
Saturday, 13 November 2021

Din hija il-Liturgija tat-Tlieta u Tletin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

33hadd.jpg

 

Ninsabu fit-tmiem is-Sena Liturġika, sena li nittamaw li kienet mimlija grazzji għal kulħadd.  Anzi kienet sena ta’ grazzja, bħal kull sena oħra li ġiet qabilha għax dak hu li jaf jagħmel Alla: jinagħta, jinagħta, u jerġa’ jinagħta.  Nibqgħu ċerti li anke f’avvenimenti li ma għoġbuniex, Hu kien kapaċi jdawwar għat-tajjeb dak li f’għajnejna deher li ma kien grazzja xejn.  Kien hemm min qal li r-rigali tal-Mulej jiġu għandna mgeżwrin f’karti tal-gazzetti.  Milli jidher il-Mulej ma tantx iħobb jagħmel “marketing” tajjeb bħalma tagħmel il-kultura ta’ żmienna!   Anzi l-kontra: Hu jibni l-Fidi tagħna billi jħallina “ngħixu” mumenti ta’ dlam biex nindunaw waħedna li huwa fid-dlam li jitwieled, jinsilet id-Dawl; huwa fil-lejl li jinħema ż-żerniq; huwa fil-prova li tinbena l-Fidi.

 

F’dawn il-waqtiet liturġiċi tal-aħħar tas-Sena, il-Knisja tirrifletti dwar tema, suġġett li d-dinja taħarbu aktar milli taħrab il-bard.  Jeżisti t-Tmiem.  Dan jimmarkana u jikkondizzjonana psikoloġikament.  Il-bniedem huwa egoista għax hu miġrugħ b’ferita daqshiex fl-intern tiegħu għax jaf li hu għad irid jispiċċa, ħajtu trid tispiċċa, saħansitra d-dinja trid tispiċċa.  Malli għamel l-esperjenza tad-“dnub”, li huwa l-“indipendenza” minn Alla, il-plakka tad-dawl inqalgħetlu minn mas-“socket” u daħal fid-dlam.  Dik l-enerġija “elettrika” li kellu dieħla ġo fih, li hi l-Ħajja ta’ Dejjem, inqatgħet.  Il-bniedem sar ilsir tat-“Tmiem”.  Beda jara s-sinjali tat-“Tmiem” meta ġismu beda jixjieħlu, u qed naraw is-sinjali  tat-“Tmiem” tad-dinja madwarna, jekk irridu naraw.  Għax f’din id-dgħufija u l-prekarjeta ta’ ma jafx x’se jiġri, il-bniedem ħaġa jaf jagħmel: jipprova jinsa, ma jaħsibx, jaljena ruħu... u nduna li hu kapaċissimu jivvinta affarijiet li jaljenawh!  Imma ż-Żmien hemm qiegħed, iż-Żmien, iż-Żmien!  Mal-Mewt daħal iż-Żmien.  Iż-Żmien għaddej.  Il-ġimgħat itiru.  It-Tmiem riesaq, tiegħi u ta’ kollox.

Read more...
 
Il-Bullettin tal-Hadd 07 ta' Novembru 2021
Written by Frans Galea   
Sunday, 07 November 2021
 7_nov_21.jpg
 bullettin_07-11-2021.jpg
 
IT-TNEJN U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2021) IC-CKEJKNIN HUMA DAWK LI JAGHMLU R-RIEDA TA’ ALLA
Written by Frans Galea   
Sunday, 07 November 2021

Din hija il-Liturgija tat-Tnejn u Tletin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gesu_u_l_mara_fqira.jpg

 

Fid-Diskors tal-Muntanja, fost it-Tmien Beatitudnijiet, Ġesù qal: “Henjin il-fqar fl-ispirtu għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.”  (Mt. 5, 3).  Dawk li huma fqar fl-ispirtu huma dawk li huma umli.  Dawn huma ċ-ċkejknin tal-art, li ma jippretenduhiex, ma jagħmlux storbju, is-skiet hu naturali għalihom.  Billi għandhom qalbhom umli, huma miġbuda biex iwetttqu r-Rieda ta’ Alla bla ma  joqogħdu jirraġunaw u jtellgħu u jniżżlu.  Huma dawk li ftit li xejn għandhom x’jitilfu għax huma mitluqin f’dirgħajn il-Mulej għax jafdaw lilU u mhux lil moħħhom jew fihom infushom.  Huma tant umli għax għarfu l-verità fuqhom infushom, xi ħaġa li aħna lkoll aħna mistiedna nagħmlu jekk irridu nikkonvertu bis-serjetà.

 

Meta bniedem jiġi mdawwal mill-Ispirtu s-Santu dwaru nnifsu u dwar l-Istorja tiegħu, hu jagħraf kemm hu xejn, kemm hu dgħajjef, kemm prova ħajtu kollha jgħatti l-għera tiegħu bi ftaħir fieragħ, bil-pulikarji, bil-maskri li dejjem libes quddiem in-nies.  Hu jagħraf kemm dan it-tip ta’ ħajja jgħejji lill-bniedem, jgħerrilu l-ispirtu tiegħu, dejjem iħossu mhedded li ma jirnexxix, li l-oħrajn ma jgħidulux prosit. 

Read more...
 
<< Start < Prev 1 2 3 4 5 6 7 8 9 10 Next > End >>

Results 53 - 78 of 1514