IL-HAMES HADD TAR-RANDAN (2021) PATT GDID FIL-MISTERU TAL-GHID TA’ KRISTU
Written by Frans Galea   
Saturday, 20 March 2021

Din hija il-Liturgija tal-Hames Hadd tar-Randan ( 2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 index.jpg

 

Ninsabu għaddejjin minn żmien li għad jinkiteb fl-Istorja bħal żmien ta’ mportanza kbira.  Qed nirreferi għall-pandemija li għal ħafna hi ta’ skomodità u telfien ta’ ċerti libertajiet, u ta’ sens ta’ theddid, imma għal ħafna oħrajn hi esperjenza ta’ kalamità għax minġel il-qerried ħakem li xi ħadd qrib tagħhom, qarib jew ħabib.  Mill-ġdid ninsabu b’kollox magħluq, inkluż il-knejjes tagħna, u għal darb’oħra l-Ġimgħa Mqaddsa se ngħixuha fuq livel individwalista, jien u l-iskrijn tat-T.V.  S’issa għadna ma tantx qed nifhmu s-sens ta’ dan kollu; għadna ma tantx qed nifhmu xi jrid jgħid Alla li f’dan il-punt tal-Istorja ppermetta din l-imxija li Hu biss jaf meta se tgħejja u tħallina bi kwietna.

 

Tista’ tgħinna nifhmu l-Istorja, il-Kelma tal-Ħames Ħadd tar-Randan.  Għax jekk tiskot il-Liturġija bil-ġemgħa preżenti, imma l-Kelma tibqa’ dejjem tidwi.  Il-Knisja qegħda tpoġġi quddiemna il-Mogħdija... ekku “Mogħdija”... jidher Alla dejjem f’ “Mogħdija”, dejjem f’moviment, bħalma l-Għid hu “Mogħdija” mid-dlam għad-Dawl, mill-Mewt għall-Ħajja... ekku, se nitkellmu ħafna fuq “Mogħdija” minn Patt Qadim għal dak Ġdid.  Jista’ jkun li anke lilna Alla jrid jaħtafna u jġorrna miegħU..., għax aħna m’aħniex kapaċi nitħarrku minn jeddna, lanqas il-Knisja... huwa HU li jġorrna minn Patt qadim għal ieħor Ġdid!  Alla jinqeda b’avvenimenti storiċi li jdaħħlu lill-bniedem fi kriżi, fi kriżi serja fejn jinduna li għandu bżonn jgħaddi għal Dawl ġdid, għal Ħelsien ġdid, għal Rabta miegħU ġdida.  Ara kif Alla dejjem jaħdem billi jwettaq “Għid”, “Mogħdija” minn qagħda mdallma ta’ telqa u Mewt għal sitwazzjoni li fiha l-bniedem jiżfen u jkanta għanja ġdida u jfaħħar lil Alla għax l-ilma tiegħu ikun bidilulu f’Inbid Ġdid tal-Festa!

L-Ewwel Qari li hu minn Ġeremija hu qari mportanti mmens u hu l-qofol spiritwali tal-ktieb ta’ dan il-Profeta.  Kemm tħabat Ġeremija biex jikkonvinċi lil Iżrael iħares il-Liġi ta’ Alla, il-Liġi tal-Qdusija, il-Liġi tal-Ħajja!  Kien jibqa’ mbellah kif Iżrael kien iduq il-Mewt, għax min hu barra mill-ubbidjenza għal-Liġi hu mejjet, u xorta ma jibdilx triqtu.  Induna, u dan kien xokk kbir għalih, li l-Patt il-Qadim kien falla.  Kien falla għal kollox.  Għaliex?  Għax dan il-Patt kien imsejjes fuq il-kapaċità tal-bniedem li jobdi l-Liġi, imma din il-kapaċità l-bniedem ma kellux.  Quddiem il-Liġi, quddiem l-Għaxar Kelmiet tal-Ħajja, l-ebda bniedem mhu ġust, tgħid l-Iskrittura.  Iżrael ma kienx jemmen li hu ma kienx kapaċi jwettaq il-Liġi li tah Alla, u anke aħna hekk naħsbu, u dan hu serju mmens. 

 

Mela għaliex Alla tana l-Liġi bil-preċetti tagħha.  Biex nindunaw kemm aħna dgħajfa; kemm aħna ’l bogħod mill-Ħajja vera, mill-Qdusija.  Alla jrid li aħna ngħarfu lilna nfusna... li aħna lkoll, kollha kemm aħna, ibda mill-Papa ’l isfel, ilkoll midinbin.  Għalhekk tana l-Għaxar Kmandamenti.  X’jgħidulna dawn?  Li ħadd mhu kapaċi jsalva lilu nnifsu.  Li għandna bżonn triq oħra lejn is-Salvazzjoni.  Ġeremija raha din il-Mogħdija, din il-bidla mil-Liġi għas-Salvazzjoni li jiksibhielna “ĦADDIEĦOR” u mogħtija mill-Missier bi Grazzja, b’rigal mhux mistħoqq, gratis.  Iżrael kien qed jiġi mħejji biex jistenna l-Messija, is-Salvatur veru, li kellu jieħu l-post tal-Liġi bħala l-għajn tas-Salvazzjoni.

 

Iżrael ma setax jifhmu dan, u anke aħna, wara elfejn sena ta’ Kristjaneżmu, insibuha ferm bi tqila nifhmu l-Aħbar it-Tajba li jxandar l-Evanġelju.  Hu skont in-natura umana li iktar ngħixu l-Ġudajiżmu, u anke l-Islam, milli l-Kristjaneżmu.  L-ewwel tnejn huma “reliġjonijiet”, u bħala tali huma ffokati fuq liġijiet, bil-bniedem fiċ-ċentru.  Jekk int kapaċi, tgħaddi, jekk le, barra!  Dan jinftiehem għax hu skont in-natura tad-dinja.  Kristu tqabad kontra dan kollu, Ħajtu kollha, sa fuq is-Salib, meta wieħed mill-kriminali msallbin miegħU talbu:  “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.”  (Lq. 23, 42).  Lil dan il-bniedem min salvah, l-ubbidjenza lejn il-Liġi jew il-Fidi fi bniedem maġenbu li kien qed imut bħalu, fallut, bla futur, mgħajjar u, donnu, abbandunat minn Alla?

 

Din il-qabża hemm bżonn nagħmluha aħna wkoll!  Għax għandna bżonn niskopru, u dan b’rigal ta’ Alla, li Ġesù Kristu ma ġiex biex iwaqqaf “reliġjon” oħra, għax bih intemm żmien ir-reliġjonijiet imwaqqfa minn xi bniedem “kbir”’  Issa kien wasal il-milja taż-żmien meta Alla nnifsu ġie jfittex lill-bniedem u jsir għalih Evanġelju, Kerigma, Bxara Tajba!  Ir-reliġjonijiet kollha huma faċli biex tifhimhom, għax huma “naturali”, kif għidna, msejsin fuq rigal għat-tajjeb u kastig għall-ħażin.  Fil-Kristjaneżmu, dan jeżisti wkoll, imma jmur ferm, ferm iktar lil hemm... u Allaħares ma kienx hekk!  Kristu hu Aħbar Tajba għax obda Hu l-Kmandamenti f’isimna u flokna, għax aħna mifnija minn natura mħassra;  Kristu obda lill-Missier sa fuq is-Salib u lilna jlibbisna bil-merti tal-ubbidjenza tiegħu, aħna li nirtogħdu quddiem is-Salib meta jidher quddiemna u t-tbatija naħarbu minnha fid-dnub.  Kristu kien il-Waħdieni li rebaħ il-Mewt u qasamha għalina biex aħna ma mmutux imma ngħixu għal dejjem, aħna li għixna ħajjitna kollha suġġetti għall-biża’ tal-Mewt.

 

Ġeremija se jgħidilna xi ħaġa meraviljuża.  Alla, bi Kristu u bil-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu, iwegħdna xi ħaġa li l-Ġudajiżmu u r-reliġjonijiet kollha ma kellhomx il-ħila jwettqu fil-bniedem.  Hu jgħid:  “Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom.”  (Ġer. 31, 33).  Din hi frażi profonda.  Għad jasal żmien li nobdu l-Liġi mhux għax nibżgħu minn Alla, jew għax Alla ma jgħinniex fl-affarijiet tad-dinja li huma tassew l-affarijiet għal qalbna, jew għax immorru l-infern.  Dan kollu hu l-ispirtu legalista u moralista li fih trabbejna u ma ħalliniex  niskopru l-ġmiel tal-Aħbar it-Tajba li hemm fi Kristu għalina.  Min għandu dan l-ispirtu uman, ta’ bniedem dgħajjef, qatt ma jasal biex jobdi l-Liġi, biex jgħixha.  Fallew il-Fariżej u fallejna aħna wkoll. 

 

L-Imħabba kollox.  Alla se jikteb il-mod ta’ kif iridna ngħixu, f’qalbna.  Il-qalb hi kelma li tfisser Imħabba.  Kristu hu Mħabba.  Ħalaqna ħielsa għax l-Imħabba vera li Alla biss għandu, ma tisforza lil ħadd.  U aħna dawwarna din l-Imħabba f’Liġi li jekk ma tobdihiex hemm kastigi ħorox immens jistennewk.  Kollox bil-maqlub.  Mhux ta’ b’xejn li fil-punent, fejn il-Kristjaneżmu m’għadhomx jifhmuh u qed jaħsbuh “reliġjon” oħra, ħafna jridu jiċħdu l-Magħmudija tagħhom, u ma jridux min isemmilhom lil Kristu!  Xi traġedja!  Kristu hu Aħbar Tajba li bdilniH f’Liġi iebsa u tqila. 

 

Ġeremija jgħid ukoll li Alla qal: “Jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx.”  (Ġer. 31, 34).  Alla jagħmel dan fi Kristu!  Alla jaħfer għax Hu bagħat lil Ibnu biex jitgħabba bid-dnubiet tad-dinja kollha, tal-imgħoddi u ta’ li ġej,  u jerda’ fih innifsu, bħalma karta xuga terda l-ilma, l-għemejjel moqżieża ta’ kull bniedem.  Hu sar dnub biex aħna nsiru ġusti, bit-triq lejn Ħajja ta’ Dejjem fil-glorja miftuħa quddiemna. 

 

Aħbar Tajba hu Kristu u xejn inqas.  U mhux biss!  Min jemmen dan, jiġi Kristu Ħaj jgħammar fih bl-Ispirtu s-Santu tiegħu... jinagħta natura ġdida, dik divina!  Qatt emmintha din int?  Bil-Magħmudija fi Kristu rebbieħ fuq il-Mewt, aħna nsiru bħalu, nixbħuh, għax Hu jgħix fina.  Il-Magħmudija hi l-ikbar rigal li qatt irċivejna, imma trid tikber fina.  Trid timmatura.  Trid minn lewża ssir siġra enormi tal-ballut li l-ebda riħ ma jqaċċata.  Dan kollu hu possibbli għax Kristu miet għalina. 

 

Fuq kollox, dik il-Liġi li qatt ma stajna nobdu bin-natura li rċivejna minn missierna u ommna, issa, bin-natura ġdida li tinagħtalna, jekk nemmnu f’dak li wettaq għalina l-Iben ta’ Alla fil-Ġimgħa tal-Għid, issa nkunu nistgħu ngħixuha u nobduha fil-milja tagħha.  Aħna nsira reklami ta’ Kristu, xhieda għall-Qawwa li għandu li jbiddel in-nies.  Dak li ma stajniex nagħmlu qabel, issa hu possibbli għax inagħtajna Spirtu ġdid.  U dan mhux bis-saħħa tagħna, lanqas għax aħna aħjar minn xi ħadd, imma bi Grazzja pura.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Nagħmel patt ġdid, u l-ħtijiet ma niftakarhomx iżjed.
Ġer 31:31-34

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Araw, għad jiġi żmien,
oraklu tal-Mulej,
meta jien nagħmel patt ġdid ma’ dar Iżrael u dar Ġuda;


mhux bħall-patt li għamilt ma’ missirijiethom
fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom
biex ħriġthom mill-art tal-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru,
għalkemm jien kont l-għarus tagħhom,
oraklu tal-Mulej.

Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel ma’ dar Iżrael
wara dawk il-jiem,
oraklu tal-Mulej.
Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom;
u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.
Ma jgħallmux iżjed lil xulxin,
u ħadd ma jgħid lil ħuh: “Agħraf il-Mulej”,
għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir,
oraklu tal-Mulej.
Għax jien naħfrilhom ħżunithom,
u ħtijiethom ma niftakarhomx aktar.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 50(51):3-4,12-13,14-15

R/. (12a): Oħloq fija qalb safja, o Alla.

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek,
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Lill-midinbin ngħallem triqatek,
u l-ħatjin lejk jerġgħu lura. R/.

QARI II
Kristu sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem.
Lhud 5:7-9

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 12:26

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja;
u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Jekk il-ħabba tal-qamħ, li taqa’ fl-art, tmut hi tagħmel ħafna frott.
Ġw 12:20-33

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù”.

Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja, u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ. Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek”. Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: “Jien diġà gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah”.

In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu”. Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom. Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja”. Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer imut.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.