Din
hija il-Liturgija tad-Disa u Ghoxrin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Martinu Luteru, li
fis-seklu sittax beda x-xiżma protestanta fi ħdan il-Knisja, ma kienx bniedem
ta’ intenzjoni ħażina, anke jekk qajla kien jaf jikkontrolla lilu nnifsu u
fl-aħħar spiċċa biex qasam il-Kristjanità, ħaġa li oriġinarjament qatt ma ħolom
li jagħmel. Imbagħad kien hemm oħrajn,
fi żmienu u warajh, li komplew iwessgħu il-firda bejn l-Insara. Għal-Luterani u l-protestanti l-oħra,
il-Knisja ma baqgħetx dak is-sinjal qawwi ta’ Omm li takkompanja l-mixja ta’
wliedha lejn il-pajjiż li qed jistennihom.
Huma għafsu aktar fuq ir-relazzjoni personali tal-bniedem ma’ Alla...
int u Alla... il-bqija ma tantx hu mportanti.
Dan l-individwaliżmu
li jeħodha kontra min irid jikkontrolla kien żball kbir li jmur kontra
t-tradizzjoni Bibblika. Alla sejjaħ
bniedem wieħed, Abraham, imma mhux biex jibqa’ waħdu, jew ikollu esperjenza
waħdu ta’ Alla, imma biex minnu joħroġ il-Poplu Magħżul. U lanqas dan il-Poplu ta’ Alla ma kien
fil-pjan qaddis li jibqa’ waħdu imma li kellu jasal iż-żmien meta minnu
tixtered ma’ wiċċ l-art kollha il-leħen jirbombja tal-Kerigma, tal-Aħbar
it-Tajba li l-Mewt intrebħet, Halleluja!
Poplu, Ġens, Knisja. Illum dan
il-leħen għadu jiġri sal-ibgħad irkejjen ixandar bil-ferħ li Alla hekk ħabb lill-bniedem li Hu bagħat
lil Ibnu l-Waħdieni biex kull min jemmen fih ikollu l-Ħajja ta’ Dejjem. (Ġw.
3, 16). Din ir-rebħa hu akkwistaha
bil-Misteru tal-Għid li għex b’risq ta’ kull wieħed u waħda minna.
Imma malli bniedem
jemminha din l-Aħbar, iħoss il-bżonn li jakkompanja u jkun akkompanjat minn
ġens li bħalu emmen il-Kelma. Għax
il-Fidi hija Mixja. Hija Mixja bħal ta’
Abraham, bħal ta’ Iżrael. Mixja mimlija
ġrajjiet li jew isaħħu jew idgħajfu l-Fidi.
Mixja ta’ rebħiet u ta’ telfiet.
Mixja ta’ passi kollhom enerġija, imma wkoll ta’ waqgħat għal wiċċna
fl-art, minn fejn ikollna bżonn li xi ħadd jgħinna nqumu. Iżrael kellu l-esperjenza tad-deżert. Erbgħin sena fid-deżert! Għaliex?
Kien għadu mhux lest biex jiret il-Wegħdiet. Dan ifisser li l-Fidi tiegħu kienet għadha
dgħajfa mmens. Ħoloq l-idolu
fid-deżert. Gerger fid-deżert. Ried jerġa’ jmur lura lejn l-Eġittu
fid-deżert. Ħadha għat-tbaħrid
fid-deżert u meta ltaqa’ ma ġens imħassar, taha għaż-żina bħalu.
Nittama li ħadd minna
ma jitkaża b’dan. Iżrael huwa jien, huwa
int. Dan kollu kellna esperjenza tiegħu
f’ħajjitna. Bi ftit dawl tal-Kelma
nindunaw b’dan. Id-deżert, il-Mixja ta’
konverżjoni, il-Mixja lejn is-sema pajjiżna, hija esperjenza wisq tqila u
perikoluża biex wieħed ifettilu jimxiha waħdu.
Hawn żbalja Luteru meta naqqas il-ħtieġa ta’ Knisja fil-Ħajja
tan-Nisrani. Wieħed jgħid: “Ngħaddu minn
hawn”, l-ieħor ma jaqbilx miegħu u jgħid: “Le! Naħseb li minn hemm aħjar”, u billi issa aħna demokratiċi għandna d-dritt
naqbdu liema triq togħoġobna! U
jitwieldu s-settet u x-xiżmiet.
Id-deżert hu post
imwiegħer biex wieħed jaqsmu waħdu. Jiġu
mumenti meta fis-sħana jispiċċalek l-ilma... il-Kelma ma tibqax tolqtok. Jew, bla ma tinduna, is-sriep jersqu lejk inkiss
inkiss u tingidem mit-tentazzjoni bla ma jkollok min iwissik. Jew taqa’ taħt idejn il-banda tal-ħallelin li
jsawtuk u jisirqulek il-għana tal-Wegħda tal-pajjiż sabiħ li riesaq lejh. Barra minn dan kollu, fid-deżert il-bniedem
iħossu waħdu u jivvinta l-idoli. Aktarx
li wara dan kollu jispiċċa jrid jerġa’ jdur lura lejn il-qagħda, il-post li
minnu kien telaq, bħalma xxenqu l-Lhud!
“Kif kont qabel, kont aħjar”, jgħid, “mingħajr Alla, l-Eġittu, aħjar!”
Kien għalhekk li
l-Mulej Ġesù waqqaf il-Knisja biex tkun Omm li tindokra, li tagħti sigurtà, li
tkun taf it-triq minn qabel u hekk kull min hu fidil lejha ma jaqbadx triq
b’oħra. Kemm hu sabiħ il-ħsieb
tal-Knisja-Omm! Imma din il-Knisja
jkollha taħdem b’istituzzjonijiet. Hemm
il-Knisja bħala Omm, bħala l-Ġisem mistiku ta’ Kristu, u hemm il-Knisja-istituzjoni,
u hawn jibda l-inkwiet. L-appostli
kollha riedu jilħqu xi post prominenti fis-Saltna, fil-Knisja. Il-Vanġelu tal-lum jurina dan. Huma riedu jogħlew fl-istituzzjoni,
fil-ġerarkija tal-Knisja. Din hija n-natura
mwaqqa’ tal-bniedem. Il-vjaġġ fid-deżert
mhu xejn għajr Mixja lil hemm min-natura ambizzjuża li biha jitwieled kull
bniedem għal natura ġdida, in-natura ta’ Alla nnifsu, in-natura tal-Qaddej ta’
Jahweh.
L-ewwel qari jitkellem
fuq dan il-Qaddej li neża’ għal kollox minnu nnifsu. Kienet l-Imħabba li neżżegħtu mill-“Jien”
tiegħu u ħsiebu biss kien kif jaqdi lil Alla u lill-oħrajn. Isaija ra iktar minn darba d-dehra ta’ dan
il-Qaddej, li kellu jkun Ġesù, l-Mulej tagħna.
Il-Kelma tgħid li jekk jofri lilu
nnifsu b’sagrifiċju ta’ tpattija, huwa għad jara nisel bla tmiem. (Is. 53, 10). Ekku
l-Knisja! Il-Knisja titwieled
mill-Qaddej ta’ Jahweh li jobdi lil Alla sal-Mewt tas-Salib. Huwa ħa fuqU il-ħtijiet kollha tal-umanità u
ħassarhom kollha, kollha fuq is-Salib. Mhux biss, imma Hu rebaħ il-Mewt u sar
Spirtu li jinagħta lil kull min jemmen fih.
Kristu huwa l-Ispirtu li jixtered u jimmultiplika ruħu f’dawk li jemmnu
fiH... il-Knisja.
Għalhekk il-Knisja dejjem hi xbiha
ta’ dan il-Qaddej, għax minn ġenbu ħarġet fuq is-Salib bħalma Eva ħarġet minn
ġenb Adam. Inħarsu lejn din il-Knisja u
mhux lejn ix-xbieha umana tagħha, l-istituzzjonijiet tagħha li kull tant, mhux
dejjem, kull tant jiżbaljaw u jkunu ta’ skandlu. Il-Knisja, li hija l-Qaddejja ta’ Jahweh
tinagħta għal kull bniedem, tmut għal kull bniedem, tilqa’ fiha t-tgħajjir,
l-akkużi bla ma tirritalja għax fiha jgħammar dejjem l-Ispirtu ta’ Ġesù li miet
propju għal dawk li bdew jgħajtu: “Sallbu!
Sallbu!”. Il-Knisja tifraħ meta
dawk li jaħqruha jiltaqgħu mal-Grazzja u jkunu bħal dawk li ħadmu fl-aħħar
siegħa imma tħallsu l-istess bħal dawk li ħadmu l-jum kollu. Din hija l-Knisja vera li mingħajrha ma
nsibux lil Kristu li jsalvana.
Fil-Knisja hemm it-tron tal-grazzja
minn fejn nirċievu l-Ispirtu rebbieħ fuq il-biża’ tal-Mewt, rebbieħ fuq
il-ġibdiet tad-dnub. Dan it-tron
tal-Grazzja mhu ħadd ħlief Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla li jgħader in-nuqqas ta’ ħila tagħna, li ġie mġarrab bħalna f’kollox,
minbarra d-dnub. (Lhud 4, 15). Huwa hu l-Qassis il-Kbir tagħna. FiH jinsab ingastat kull min jemmen. Hu huwa t-tmiem tal-Mixja tagħna megħjuna
mill-Knisja-Omm f’dan id-deżert li huwa d-dinja.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Is-sagrifiċċju ta’ Kristu.
Is 53, 10-11
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Isaija
Il-Mulej għoġbu
jgħakksu bil-mard.
Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni,
huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu;
u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.
Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl,
jixba’ bit-tagħrif tiegħu.
Il-ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra,
u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 32 (33), 4-5.18-19.20.22
R/.
(22): Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna
Sewwa
hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u
s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.
Ara, għajnejn il-Mulej
fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.
Ruħna tixxennaq
għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.
QARI II
Nersqu b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja.
Lhud
4, 14-16
Qari
mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti,
meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal
fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha. Għax
aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma
għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub.
Ħa
nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u
nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 10, 45
Hallelujah.
R/. Hallelujah
Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi,
imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Bin il-bniedem ġie biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
Mk 10, 35-45
Qari
mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li
se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma
weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug
fil-glorja tiegħek”.
Imma
Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se
nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”.
”Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh,
iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li
wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi
li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”.
L-għaxra l-oħra, meta
semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom:
“Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani,
jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma
għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom,
u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk
ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti
ħajtu b’fidwa għall-kotra”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|