IT-TLIETA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2021) IN-NISRANI MIMLI TAMA QUDDIEM “IT-TMIEM” |
Written by Frans Galea | ||
Saturday, 13 November 2021 | ||
Din hija il-Liturgija tat-Tlieta u Tletin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ninsabu fit-tmiem is-Sena Liturġika, sena li nittamaw li kienet mimlija grazzji għal kulħadd. Anzi kienet sena ta’ grazzja, bħal kull sena oħra li ġiet qabilha għax dak hu li jaf jagħmel Alla: jinagħta, jinagħta, u jerġa’ jinagħta. Nibqgħu ċerti li anke f’avvenimenti li ma għoġbuniex, Hu kien kapaċi jdawwar għat-tajjeb dak li f’għajnejna deher li ma kien grazzja xejn. Kien hemm min qal li r-rigali tal-Mulej jiġu għandna mgeżwrin f’karti tal-gazzetti. Milli jidher il-Mulej ma tantx iħobb jagħmel “marketing” tajjeb bħalma tagħmel il-kultura ta’ żmienna! Anzi l-kontra: Hu jibni l-Fidi tagħna billi jħallina “ngħixu” mumenti ta’ dlam biex nindunaw waħedna li huwa fid-dlam li jitwieled, jinsilet id-Dawl; huwa fil-lejl li jinħema ż-żerniq; huwa fil-prova li tinbena l-Fidi.
F’dawn il-waqtiet liturġiċi tal-aħħar tas-Sena, il-Knisja tirrifletti dwar tema, suġġett li d-dinja taħarbu aktar milli taħrab il-bard. Jeżisti t-Tmiem. Dan jimmarkana u jikkondizzjonana psikoloġikament. Il-bniedem huwa egoista għax hu miġrugħ b’ferita daqshiex fl-intern tiegħu għax jaf li hu għad irid jispiċċa, ħajtu trid tispiċċa, saħansitra d-dinja trid tispiċċa. Malli għamel l-esperjenza tad-“dnub”, li huwa l-“indipendenza” minn Alla, il-plakka tad-dawl inqalgħetlu minn mas-“socket” u daħal fid-dlam. Dik l-enerġija “elettrika” li kellu dieħla ġo fih, li hi l-Ħajja ta’ Dejjem, inqatgħet. Il-bniedem sar ilsir tat-“Tmiem”. Beda jara s-sinjali tat-“Tmiem” meta ġismu beda jixjieħlu, u qed naraw is-sinjali tat-“Tmiem” tad-dinja madwarna, jekk irridu naraw. Għax f’din id-dgħufija u l-prekarjeta ta’ ma jafx x’se jiġri, il-bniedem ħaġa jaf jagħmel: jipprova jinsa, ma jaħsibx, jaljena ruħu... u nduna li hu kapaċissimu jivvinta affarijiet li jaljenawh! Imma ż-Żmien hemm qiegħed, iż-Żmien, iż-Żmien! Mal-Mewt daħal iż-Żmien. Iż-Żmien għaddej. Il-ġimgħat itiru. It-Tmiem riesaq, tiegħi u ta’ kollox. Hu għalhekk li hemm limitu għat-tajjeb li l-bniedem kapaċi jagħmel minnu nnifsu. Ġesù jitkellem fuq il-bniedem meħlus mill-marka tal-Mewt u tat-Tmiem, u taż-Żmien billi jgħid li dan il-bniedem ikun kapaċi jħobb saħansitra lill-għadu li qed jipprova joqtlu bi kliemu jew b’xi vjolenza. Huwa l-bniedem imfejjaq minn din il-ġerħa fl-ispirtu tiegħu li jista’ “jgħix” tassew, “iħobb” tassew u saħansitra jirbaħ it-Tmiem. U min jista’ jfejqu lill-bniedem jekk mhux Kristu u Kristu waħdu, il-Waħdieni li rebaħ il-Mewt għalina?
Huwa l-bniedem imfejjaq fi Kristu li ma jibżax jaħseb fuq il-Mewt u fuq is-sinjali tagħha. Ġesù jgħid: “Meta l-fergħa tas-siġra tat-tin tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb.” (Mk. 13, 28). Il-bniedem fis-sakra bl-aljenazzjonijiet, ma jindunax bis-sinjali taż-żminijiet, imma n-Nisrani iva.
Umanament, dan hu suġġett ta’ dieqa. Il-ġisem ma jridx imut, u jibgħat sinjali ta’ tensjoni quddiem id-deħra tat-Tmiem li riesaq. L-Ewwel Qari jurina lill-Profeta Danjel jibki quddiem id-dehra ta’ taqlib tal-aħħar żminijiet. Il-qari qed jitkellem fuq il-kosmos kollu, fuq il-ħolqien, imma dan jgħodd għall-Istorja ta’ kull individwu wkoll. Iżda l-Anġlu tal-Faraġ jersaq lejn il-bniedem tal-Fidi u jfarrġu bi kliem ħelu u qawwi fl-istess ħin. “Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ’l hafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.” (Dan. 12, 3).
Allura qegħda tixxandar hawn il-Ħajja ta’ Dejjem. Dak li l-bniedem tilef fil-bidu, dik l-enerġija “elettrika” ta’ Ħajja għal dejjem li ħierġa minn Alla, issa jista’ jakkwistaha mill-ġdid bil-Fidi fl-Iben tal-Missier li ġie mibgħut biex iħallas il-prezz li l-ebda bniedem ma jista’ jħallas. Bħal Danjel, anke Ġwanni l-Evanġelista fil-Ktieb tal-Apokalissi, jinfexx jibki kemm jiflaħ għax ħadd u ħadd ma hu kapaċi jikser is-siġilli tal-Ktieb tal-Ħajja. Imma kemm Danjel u kemm Ġwanni jitfarrġu bis-sħiħ għax dehret Tama għall-bniedem. L-Evanġelista jara l-Ħaruf li kien maqtul imma li issa hu Ħaj u Rebbieħ li jikser is-siġilli tal-Ħajja li tibda tinagħta mill-ġdid! Hallelujah!
Għandu raġun is-Salmista, li jxomm mill-bogħid din ir-Rebħa tal-Ħaruf, jiftaħ garġih u jgħajjat: “Tifraħ għalhekk qalbi u tithenna ruħi, u ġismi jistrieħ bil-kwiet. Għax inti ma tħallix lil ruħi fl-imwiet, ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir. Inti turini t-triq tal-ħajja, hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm għaxqa għal dejjem f’lemintek.” (S. 15, 9-11). Min hu n-Nisrani, allura, jekk mhux dak li għandu r-Rebħa fuq il-Mewt, fuq iż-Żmien, u fuq it-Tmiem? Kristu hu ferm ikbar minn xi “reliġjon” li tgħinna nkunu “tajbin”. Kristu huwa r-Rebħa fuq il-Mewt! Għalhekk ġie fid-dinja, biex bil-Misteru tal-Għid jagħti lili, lilek u lil dawk li jittamaw fiH il-garanzija, il-kapparra, l-“assurance” li inqasam is-saqaf tal-konkrit li kien jifridna mis-Sema u t-Triq lejn il-Ħajja issa hi miftuħa beraħ.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel F’dak iż-żmien iqum Mikiel, il-prinċep il-kbir, dak li qiegħed fuq ulied il-poplu tiegħek. Imbagħad jiġi żmien ta’ għawġ, li qatt ma jkun deher ieħor bħalu minn mindu ġens kien ġens sa dak iż-żmien. Imma jkun żmien li fih il-poplu tiegħek jinħeles, dawk kollha li jkunu nstabu miktuba fil-ktieb. U ħafna minn dawk li huma rieqda fit-trab tal-art jistenbħu, min għall-ħajja ta’ dejjem u min għall-għajb u l-istmerrija għal dejjem. Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ’l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Kelma
tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI R/.(1): Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Mulej,
inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
Hekk
tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
Int
tgħallimni t-triq tal-ħajja;
QARI II Qari mill-Ittra lil-Lhud Kull qassis ieħor imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu, u joffri u jerġa’ joffri l-istess sagrifiċċju, bla ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet. Imma Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla, fejn qiegħed jistenna sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħt riġlejh. Għax hu b’offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes. Issa, fejn hemm il-maħfra tad-dnubiet, ma hemmx għalfejn issir aktar l-offerta għad-dnubiet.
Il-Kelma
tal-Mulej.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU Qari mill-Evanġelju skont San Mark F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema. Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier”.
Il-Kelma
tal-Mulej. |