Din
hija il-Liturgija tat-tieni Hadd tar-Randan(2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Meta tana lil Ibnu, l-Missier ma kien għad fadallu xejn x’jagħtina. Hieni l-bniedem li għandu lill-Iben, għax fiH
għandu kollox. Imma kemm fostna tassew
jemmnuh dan? Jiġrilna bħal Eva. Is-siġar kollha tal-ġnien kienu tagħha, ħlief
waħda. Iżda l-għadu webbilha b’dik
il-waħda, u ġralha bħalli kieku xejn ma kien tagħha. Jew dik il-waħda jew xejn. Kemm jiġrilna hekk f’Ħajjitna! Tant Grazzji, imma jidher is-Salib u kollox
jisparixxi.
Fil-Magħmudija ġa inagħtalna kollox.
Fil-Magħmudija ġie ngastat fina l-Misteru sħiħ tal-Għid. Il-Merti glorjużi ta’ Kristu li kiseb
bl-Ubbidjenza tiegħu lejn il-Missier u l-Imħabba li wriena sal-Mewt fuq
is-Salib rebħulna wirt li hu miktub quddiem il-Missier f’isem min jemmen. Il-Ġenna hi tagħna bi dritt għax kbar huma
l-Merti li hemm jgħajtu favur tagħna u dawn il-Merti mhux l-isforzi miżerabbli
tagħna, imma dawk ħerġin mill-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu! Din hi l-Aħbar it-Tajba li matul elfejn sena
l-Knisja ma għejjiet qatt ixxandar. Kien
hemm żminijiet ’l hemm u ’l hawn meta l-emfasi daret fuq il-merti tal-bniedem,
fuq dak li kapaċi jagħmel il-bniedem, iżda l-Verità dejjem rebħet, il-Verità li
fi Kristu biss u waħdu hemm is-Salvazzjoni għalina.
Din l-Aħbar tal-Vanġelu, tiftaħ beraħ il-Bieb tas-Sema anke għall-ikbar
midneb. Hu dan li jfisser li mal-Mewt
ta’ Kristu il-purtiera tat-Tempju ċċarrtet minn fuq s’isfel, u l-Qaddis
tal-Qaddisin fejn ħadd ma seta jidħol qabel minħabba t-tinġiż tan-natura tagħna,
issa deher mikxuf u għeri quddiem id-dinja biex kull min jemmen f’kemm jiswa
Kristu jista’ jidħol fil-Ħajja. “U ara, il-purtiera tas-santwarju ċċarrtet
fi tnejn minn fuq s’isfel.” (Mt. 27,
51). Ara kif f’Ibnu, l-Missier tana
kollox!
Iżda hemm xena fl-Apokalissi, fejn Ġwanni l-Evanġelista jara f’viżjoni
l-Ktieb tal-Ħajja, il-Ktieb li fih hemm il-Ħajja ta’ Dejjem moħbija, miġjuba
fin-nofs, iżda ħadd ma kellu l-ħila
jiftħu biex jaqra x’fih u jifhmu. Kien
magħluq b’seba’ siġilli, jiġifieri li, bħal dik il-kamra qaddisa tat-Tempju
magħluqa minn purtiera ħoxna u tqila, ħadd ma seta’ jiftħu, ħadd ma seta’
jsalva bl-isforzi u t-tjieba tiegħu biss.
“U ħadd, la fis-sema u la fl-art
u lanqas taħt l-art, ma kellu ħila jiftaħ il-ktieb u jara x’fih. U jiena nfexxejt f’bikja kbira, għax ma nstab
ħadd li kien jistħoqqlu jiftaħ il-ktieb u jara x’fih.” (Apok. 5, 3-4). Kemm nies, fit-tfittxija ta’ Alla,
fil-ħerqa kbira li kellhom li jibqgħu Ħajjin għal Dejjem, sabu ruħhom
b’daharhom mal-ħajt għax, wara kollox, il-marka tal-Qdusija hi l-għarfien mill-bniedem
tal-inkapaċità tiegħu innifsu. Min
jaħseb li hu tajjeb imma għadu ma għarafx kemm hu mpossibbli għall-bniedem li
jgħaddi minn għajn il-labra biex jidħol fis-Saltna bl-opri tiegħu biss, għadu
lanqas biss beda jikkonverti. L-Umiltà
hi kollox, u l-Umiltà hi bint il-Verità, u l-Verità hi li aħna lkoll midinbin,
morda b’natura miġbuda lejn il-ħażen.
Iżda fl-Apokalissi, Ġwanni jara b’għajnejh isseħħ il-Kerigma, l-Aħbar
it-Tajba li triegħed l-infern, l-infern tan-nuqqas ta’ twemmin li hemm fina. “Imbagħad
wieħed mix-Xjuħ qalli: ‘Tibki xejn; ara, l-Iljun tat-tribù ta’ Ġuda, ir-Rimja
ta’ David, ħareġ rebbieħ, u se jiftaħ il-ktieb u s-seba’ siġilli li għandu.’” (Apok. 5, 5).
L-Iljun, li sar Ħaruf biex ibati, rebaħ lill-Mewt li żżommna
mjassrin fid-“Dnub”, fil-jasar tal-Eġittu, u r-rebħa tiegħu hi kbira biżżejjed
biex tiswa għal kull bniedem.
Iżda hemm bżonn li jkollna “għajnejn” biex naraw din l-Opra mmensa
tal-Missier f’Ibnu bil-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Għandna bżonn “għajnejn” li jaraw dawn
il-ħwejjeġ spiritwali tal-għaġeb. Għandna bżonn għajnejn li wara s-siġra li
l-Mulej qalilna biex ma niklux minnha, naraw kotra bla qjies ta’ siġar li
jagħmlu frott is-sena kollha. Għandna
bżonn “għajnejn” li bħall-“għajnejn” tal-Ħalliel imsallab maġenb Kristu jaraw
fiH it-Triq miftuħa għar-rebħa fuq il-Mewt.
Importanti huwa l-Vanġelu tal-lum!
It-Trasfigurazzjoni ta’ Kristu fuq it-Tabor. Hemm bżonn nidħlu f’dan l-avveniment
sopranaturali b’mod differenti milli dħalna s’issa. Hemm min ressaq l-ipotesi li mhux Kristu
inbidel, iżda kienu t-tliet Appostli li ġew
mogħtija li jinbidlu u b’ “għajnejn sopranaturali” raw dak li hu moħbi
mill-bnedmin normali. Għal ftit ħin huma
raw dak li dejjem kien: Kristu fil-Glorja tiegħU, imma li libes u nħeba f’laħam
il-bniedem sakemm kien fostna.
Hija Grazzja li jkollok għajnejn li fi bniedem imdendel bl-imsiemer
mal-forka tas-Salib, rasu mitluqa fil-Mewt, li tidher għal kollox rebbieħa anke
fuq il-bniedem ġust, inti tkun tista’ tara t-Tama waħdanija għall-ġens
uman! Għal min għandu l-għajnejn
tal-Fidi, dan hu faċli. Abraham ħares
lejn il-kwiekeb bl-għajnejn tal-Fidi u emmen li hu, raġel ta’ mitt sena, se
jkollu dixxendenti daqs kemm hemm kwiekeb fis-sema! Għad-dinja dan hu ġenn. Imma l-Verità hi li Abraham sar tassew
missier ta’ kotra ta’ ġnus, u fuq ħamest elef sena wara li għex, aħna għadna
nitkellmu fuq dan ix-xwejjaħ fallut! Ir-Rumani
kienu jpinġu lill-Insara forma ta’ ħmir għax għall-pagani n-Nisrani kien
bniedem stupidu li jemmen fil-ħrejjef!
L-Imperu Ruman spiċċa, imma t-Tama Nisranija għadha ħajja sal-lum!
Fil-Magħmudija inagħtalna kollox, imma kollox f’forma ta’ żerriegħa ċkejkna
li għandha bżonn tikber, tikber, tikber.
Hemm bżonn naqtgħu l-irbit ma’ din il-ħajja, għax ngħixu qisu li din
il-ħajja biss teżisti. Santa Katerina
ta’ Bologna, darba kellha viżjoni tal-Purgatorju, u hi rat li l-erwieħ kellhom
ħafna spag li kienu jġebduhom lura milli jidħlu fil-Glorja. Dawn l-ispag kienu l-irbit li kellhom
mad-dinja fil-punt tal-Mewt. Hi rat kif
bil-mod il-mod dawn l-ispag bdew jinqatgħu waħda waħda sakemm ir-ruħ kienet ħielsa
biex tidħol fl-Hena ta’ Dejjem.
Is-Sema hu pajjiżna! “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn!” (Lq. 9, 33).
Hekk qal Pietru. Imma sakemm
aħna fil-ġisem, irridu nerġgħu lura lejn id-dinja, bis-slaleb u l-provi
tagħha. Imma jekk nimxu l-mixja ta’
Ħajjitna b’ħarsitna fuq Ġesù, ninbidlu fiH; iva, ninbidlu fiH! Fil-Qari tal-lum, San Pawl jgħidlna: “Aħna pajżani tas-sema pajjiżna; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi
s-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu
għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu!” (Fil. 3, 20-21). Dan hu li qed jistenniena. Aħna m’aħniex għal hawn, għall-Grazzja ta’
Alla! Minn hawn ninsabu għaddejjin,
qiesna f’lukanda li fiha noqogħdu għal ftit żmien, imma mhix darna. It-Taljani jgħiduha iktar eżatt: “Siamo di passaġġio!” Minn hawn għaddejjin; sejrin x’imkien
ieħor; hawn barranin fi vjaġġ.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Alla
jagħmel patt mal-qaddej ġust Abram.
Ġen
15:5-12,17-18
Qari mill-Ktieb
tal-Ġenesi
F’dak
iż-żmien, il-Mulej ħareġ lil Abram ’il barra u qallu: “Ħares sewwa lejn
is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom”. U żied jgħidlu:
“Hekk għad ikun nislek”. U Abram emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.
U qallu: “Jiena l-Mulej li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin, biex nagħtik din l-art
b’wirt”. U qallu Abram:
“Sidi Mulej, kif inkun naf li se niritha?”. U
wieġbu: “Ħudli għoġla ta’ tliet snin, mogħża ta’ tliet snin, muntun ta’ tliet
snin, gamiema u ħamiema”. U ħadlu dawn kollha, u qasamhom min-nofs, u kull nofs
qiegħdu biswit l-ieħor; imma l-għasafar ma qasamhomx. U niżlu l-għasafar
tal-priża għal fuq l-iġsma mejtin, imma Abram gerrixhom lura. Hi u nieżla
x-xemx waqa’ fuq Abram ngħas qawwi, u waqgħu fuqu biża’ u dalma kbira.
Meta
x-xemx kienet niżlet u kien dalam, kenur idaħħan u lsien nar iżiġġ qasmu minn
bejn il-bċejjeċ tal-laħam. Dakinhar il-Mulej għamel patt ma’ Abram u qallu:
“Lil nislek nagħti din l-art, mix-xmara tal-Eġittu sax-xmara l-kbira, ix-xmara
tal-Ewfrat”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm
26(27):1,7-8,9,13-14
R/.(1):
Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.
Il-Mulej
id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi,
minn
min għandi nibża’?
Il-Mulej
hu l-kenn tiegħi,
quddiem
min għandi nitwerwer? R/.
Isma’,
Mulej, leħen l-għajta tiegħi,
ħenn
għalija u weġibni.
“Ejja”, għedt
f’qalbi, “fittex ’il wiċċu!”.
Jien wiċċek infittex,
Mulej. R/.
La taħbix wiċċek
minni,
la twarrabx bl-herra
l-qaddej tiegħek.
Inti l-għajnuna
tiegħi,
tħallinix u titlaqnix,
Alla
tas-salvazzjoni tiegħi. R/.
Nemmen
li għad nara t-tjieba tal-Mulej
f’art
il-ħajjin.
Ittama
fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek,
ittama
fil-Mulej. R/.
Qari II
Kristu
għad ibiddilna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu.
Fil
3:17–4:1
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti,
ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skont l-eżempju li rajtu fina. Għaliex
hawn ħafna – dan għedthulkom bosta drabi, imma issa ntennihulkom bid-dmugħ
f’għajnejja – li jġibu ruħhom bħal għedewwa tas-salib ta’ Kristu. It-telfien
għad ikun tmiemhom; alla tagħhom hu żaqqhom, jiftaħru b’dak li jmisshom jistħu
minnu, u moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja.
Imma
aħna pajżani tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna
Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura
tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu.
Għalhekk,
intom, ħuti, li
intom l-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u kuruna tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej,
maħbubin tiegħi.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara
Mk 9:7
Glorja
u tifħir lilek, Kristu!
Fi
sħaba kollha dawl, leħen il-Missier instema’:
“Dan
hu Ibni l-għażiż; isimgħu lilu!”.
R/. Glorja u tifħir
lilek, Kristu!
Evanġelju
Huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu
tbiddlet.
Lq 9:28b-36
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù
ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex
jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu
saru ta’ bjuda li tgħammex.
U kien hemm żewġt
irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq
it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm. Pietru u sħabu kienu mejtin
bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel
li kienu miegħu. Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil
Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda
għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Ma kienx jaf x’inhu jgħid.
Waqt li kien qiegħed
jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn
ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”. Malli
nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem
ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir
lilek Kristu.
|