top

Parish Priests throughout the years

Ħarsa matul is-snin

Il-Kappillani u l-Arċiprieti Xewkin

Ix-Xewkija hi l-ewwel parroċċa Għawdxija mwaqqfa barra mir-Rabat ta’ Għawdex, l-ewwel parroċċa tal-kampanja Għawdxija. Fl-aħħar jum tal-Viżta Pastorali tiegħu fil-gżira, Monsinjur Mikiel Glormu Molina, Isqof ta’ Malta u Għawdex, waqqafha parroċċa b’digriet tas- 27 ta’ Novembru 1678. Matul dawn it-tliet sekli u iżjed ta’ storja, hi kellha ħmistax -il ragħaj spiritwali, disa’ kappillani u sitt arċiprieti li mexxewha b’żelu u bi mħabba.

Dan hu xi tagħrif mislut mill-ktieb tal-istoriku Xewki Patri Serafin Borg OSA, Ix-Xewkija fi ġrajjiet il-Kappillani u l-Arċiprieti tagħha, dwar il-ħidma ta’ dawn il-kappillani u arċiprieti fix-Xewkija. Id-dati maġenb kull isem jindikaw il-perjodu tal-parrokat.

1. Il-Kappillan Dun Grezzju Farrugia (1678-1683)

Mill-Parroċċa ta' San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta. Fis-27 ta' Novembru 1678, Mons. Mikiel Glormu Molina, Isqof ta' Malta u Għawdex, ħatru l-ewwel Kappillan tax-Xewkija. Ħa ħsieb il-bini ta' knisja skont il-ħtiġijiet ta' dak iż-żmien, li fl-1680 tqiegħed fiha għall-ewwel darba s-Santissmu Sagrament. Il-kwadru titulari tal-Battista, attribwit lil Giocchino Loretta, sar fi żmienu. Fl-10 ta' Ġunju 1682, twaqqfet il-Fratellanza tar-Rużarju.

2. Il-Kappillan Dun Girgor Camilleri (1683-1694)

Mill-Parroċċa ta' San Ġorġ, ir-Rabat ta' Għawdex. Fl-1688 bena minn flusu l-kanonika, jew Dar tal-Kappillan, u ħalla legat għaż-żamma tagħha; flokha llum fil-Pjazza nsibu ċ-Ċentru Parrokkjali. Fis-16 ta' Ottubru 1694, ġie maħtur Kappillan tal-Ubbidjenza tal-Ordni ta' San Ġwann. Kellu sehem importanti fil-bini tal-Isptar il-qadim ta' Għawdex.

3. Il-Kappillan Dun Dumink Abela (1694-1734)

Mill-Parroċċa ta' San Ġorġ, ir-Rabat ta' Għawdex. ``Maħbub u dħuli``, kien hu li wettaq il-proġett tal-bini ta' knisja ġdida, ikbar u aktar komda għan-nies tax-Xewkija, fuq pjanta tal-Perit Ġużeppi Azzopardi u taħt it-tmexxija tal-bennej Ferdinand Valletta. Din kienet ``f'għamla ta' salib, mibnija fuq pilastri ta' ordni Doriku u mgħottija b'saqaf tond fuq bosta kustilji u b'koppla fuq is-salib``, u tbierket fis-17 ta' Marzu 1728 mill-Kan. Nikol Natal Cassia Magria, Arċipriet tal-Matriċi. Fuq talba tiegħu, l-Agostinjani tar-Rabat taw skannell għall-altar tal-knisja parrokkjali l-ġdida. Fit-13 ta' Frar 1714 kien ta l-kunsens biex twaqqfet ix-Xirka tat-Trinitarji.

4. Il-Kappillan Dun Pietru Aquilina (1735-1774)

Mill-Parroċċa ta' Marija Assunta, iż-Żebbuġ. Fil-pussess tiegħu kellu bħala parrinu lill-Gran Mastru António Manoel De Vilhena, li offrielu b'rigal kalċi u pjaneta li għadhom sal-lum miżmuma fil-Mużew tal-Iskultura. Il-parrokat tiegħu jiftaħar b'diversi opri: il-kwadru tal-Madonna u San Bartilmew fil-Kappella tal-Ħniena, impitter minn Gio Nicola Buhagiar (1735); il-pulptu (1735); il-kampnar tal-knisja l-qadima (1738); il-fonti tal-Magħmudija (1740); l-orgni l-qadim li llum m'għadux jeżisti; ħames lampieri, salib tal-kleru u ċensier, kollha fil-fidda. Fl-1739, l-istoriku Għawdxi I-Kan. Gann Piet Frangisk Agius de Soldanis irregala wkoll Veru Linju li tqiegħed fuq l-Altar devot tal- Kurċifiss. Fit-12 ta' Ottubru 1755, Mons. Pawlu Alpheran de Bussan, Isqof ta' Malta u Għawdex, iddedika l-knisja parrokkjali tax-Xewkija u l-altar maġġur tagħha. Bit-tħabrik tal-Kappillan Aquilina, fid-19 ta' Ġunju 1756 bdew it-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Festa ta' San Ġwann.

5. Il-Kappillan Dun Franġisk Mizzi (1774-1803)

Mill-Parroċċa ta' San Ġorġ, ir-Rabat ta' Għawdex. Bejn l-1765 u l-1774 kien Kuġitur tal-Kappillan Aquilina. Fl-1783 u l-1788 għamel żewġ qniepen. Fl-1788 saru ż-żewġ kwadri tal-Kor tal-knisja, xogħol Rokku Buhagiar, li juru t-Twelid u l-Martirju tal-Battista. Il-qagħda spiritwali tax-Xewkija kompliet titjieb, minkejja li kien ukoll żmien il-qawmien kontra l-Franċiżi.

6. Il-Kappillan Dun Nikol Vella (1803-1850)

Mill-Parroċċa tal-Viżitazzjoni, l-Għarb. F'parrokat ta' sebgħa u erbgħin sena għamel ħafna ġid, u mhux lix-Xewkija biss. Ħa interess kbir meta Għawdex intlaqat mill-flaġell tal-pesta fl-1813, u wissa lill-awtoritajiet ċivili biex jagħmlu għassa aħjar max-xtajtiet. Fl-1830 bena l-koppla tal-knisja, u fl-1837 il-Kappella ta' Santa Teodora, jew tad-Duluri, mill-flus tal-wegħdiet fi żmien l-imxija tal-kolera ta' dik is-sena. F'Lulju 1838 , telaq proċessjonalment mill-knisja parrokkjali tax-Xewkija bil-kwadru titulari tal-Madonna tal-Karmnu għall-Kappella ``Ta' Ħamet``. Fl-1844 ġab minn San Bert għall-knisja parrokkjali l-korp sant ta' Santa Teodora. L-ikbar opra ta' żmienu żgur tibqa' l-istatwa titulari ta' San Ġwann Battista, kapulavur li nħadem fl-injam minn Pietru Pawl Azzopardi u wasal ix-Xewkija fit-22 ta' Ġunju 1845, bi translazzjoni solenni mill-knisja ``tal-Ħniena``. Fl-1849 ikkummissjona l-qanpiena ż-żgħira.

7. Il-Kappillan Dun Pawl Grech (1850-1854)

Mill-Parroċċa tal-Viżitazzjoni, l-Għarb. Matul il-ftit snin ta' parrokat tiegħu sar id-damask minsuġ; il-leġiju tal- Kor; il-kwadru tal-Madonna tal-Karmnu, xogħol Rafel Caruana (1851); u l-kwadru żgħir tal-Battista taħt dak titulari. Ġie milqut minn marda kiefra u miet erba' snin biss wara li laħaq.

8. Il-Kappillan Dun Demetriju Galea (1854-1859)

Mill-Parroċċa tal-Viżitazzjoni, l-Għarb. Għadda snin barra minn Malta missjunarju fl-Alġerija, fejn kellu oħtu soru. Fi żmienu saret l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju mid-ditta Franċiża Galard et Fils fl-1857. Sena wara bena s-sagristija l-kbira u dik żgħira. Kien magħruf bħala ragħaj twajjeb, ħabrieki, għaref, iżda ta' kmand, rigoruż u ta' dixxiplina.

9. Il-Kappillan Dun Pietru Bartolo (1859-1864)

Mill-Parroċċa ta' San Bartilmew, il-Għargħur. Fl-1860 ikkummissjona l-istatwa tad-Duluri għand id-ditta Galard et Fils ta' Marsilja, li sal-lum għadha tiġbed ħafna devozzjoni u kull sena ssir purċissjoni kbira biha ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Fi żmienu wkoll infetħet l-Iskola tal-Gvern għas-subien fix-Xewkija, fit-2 ta' Diċembru 1861. Baqa' magħruf bħala ragħaj twajjeb u ta' qdusija, ``ħabib tal-foqra``

10. L-Arċipriet Dun Pietru Pawl Ciantar (1865-1908)

Mill-Parroċċa ta' San Ġwann Battista, ix-Xewkija. Bniedem għaref u istruwit, kien l-ewwel ragħaj spiritwali magħżul mill-Parroċċa tax-Xewkija stess. Wara li kien ilu ħames xhur biss fit-treģija tagħha, faqqgħet il-marda tal-kolera li bdiet ix-Xewkija u minn hemm xterdet mal-gżira kollha. Matul it-tnejn u erbgħin sena ta' parrokat ħabrieki tiegħu twettqu l-ifjen opri: l-arloġġ pubbliku (1875); il-presbiterju bl-irħam (1879); it-tużell ta' Pawlu Bugeja (1880); iż-żewg fontijiet tal-ilma mbierek; il-pittura tal-koppla, l-erba' Evangelisti u ż-żewġ kwadri tal-korsija, xogħol Giovanni Gallucci (1882); l-istatwi ta' Sant' Antnin u Sant' Andrija (1906); il-Via Crucis; u bosta ritratti fis-sagristija. Fl-1890, billi l-Awtorità Ekkleżjastika ma tatx il-permess li titkabbar il-knisja, tawwal il-korsija u bena faċċata ġdida, fuq pjanta ta' Dun Ġużepp Diacono. Għamel ukoll il-gallarija tal-orgni. Ġieħ kbir għax-Xewkija, bit-tħabrik ta' Ciantar, kien dak li ta l-Papa Ljun XIII bil-Bulla tal-10 ta' Frar 1893, meta għolla l-parroċċa għad-dinjità ta' Arċipretali. Għalhekk Dun Pietru Pawl kien l-aħħar ragħaj spiritwali li ssejjaħ Kappillan u l-ewwel wieħed bit-titlu ta' Arċipriet. F'Ġunju 1893 ġab ukoll il-qanpiena l-kbira li tbierket minn Mons. Giovanni Maria Camilleri OSA, Isqof ta' Ghawdex. Għall- Festa tal-1902 illumina ghall-ewwel darba l-knisja bl-aċitelena. L-Arċipriet Ciantar ħadem ukoll għall-ġid soċjali tar-raħal billi stinka biex ix-Xewkija u rħula oħra qrib ikollhom tabib distrettwali, kif beda jseħħ mill-1892. Kellu interess fl-istorja tal-poplu Xewki, hekk li fl-1904 ġab lill-istudjuż tal-arkeoloġija Patri Manwel Magri jagħmel skavi tat-tempju pagan li kien hemm flok il-knisja l-qadima. Minkejja ċerta oppożizzjoni mill-poplu, fl-1905 bena l-Oratorju ta' Ġesú Nazzarenu u mezzanin bħala maħżen ħdejn il-knisja, waqt li ħallas għad-dekorazzjoni tal-istess Oratorju u l-kwadru tiegħu minn Giuseppe Cali. L-Arċipriet Ciantar ta wkoll qawmien ġdid lill-Fratellanzi tas-Sagrament, tar-Rużarju u ta' San Ġwann Battista, Imma mhux kollox kien ward u żahar. Minħabba li fi żmienu l-Knisja neħħiet lil San Ġwann minn festa tal-obbligu, kellu jkun Ciantar li jressaq quddiem l-Awtoritajiet id-dispjaċir tal-poplu tax-Xewkija.

11. L-Arċipriet Dun Anton Aquilina (1908-1920)

Mill-Parroċċa ta' San Ġorġ, il-Belt Victoria. Ħadem bla heda biex jissokta jgib 'il quddiem il-Parroċċa tax- Xewkija. Fl-1908 daħħal il-Purċissjoni ta' San Ġwann filgħaxija, waqqaf il-festi tal-Kwaranturi Mqaddsa fil-Milied, ħallas minn butu l-paviment tal-irħam fis-sagristija ż-żgħira maħdum minn Costantino di Paolo, u għamel ukoll il-paviment tal-kbira flimkien mal-Altar tal-Kurċifiss. Fl-1913 laqa' fix-Xewkija lill-Kardinal Domenico Ferreta meta żar Ghawdex waqt il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Fl-1915 waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Istilel tal-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù affiljata mal-Bażilika tal-Qalb ta' Ġesù ta' Parigi. Fl-istess sena laqa' bil-ferħ il-ftuħ tal-Museum tal-Bniet fix-Xewkija, it-tielet Qasam tas-Soċjetà tad- Duttrina Nisranija miftuħ f'Għawdex. Fl-1917 il-Festa ta' San Ġwann reġgħet saret bl-ikbar solennità wara li I-Papa Benedittu XV reġa' għamilha Festa Kmandata. L-Arċipriet Aquilina kien saċerdot li għex ħajja fqira u għamel ħafna karità. Ħabb il-Liturġija u lix-Xewkija ħallielha wkoll kalċi prezzjuż, pjaneta u ħwejjeġ sagri oħra, waqt li lill-knisja ħallieha mgħammra b'kull bżonn.

12. L-Arċipriet Dun Anton Grima (1920-1947)

Mill-Parroċċa ta' San Ġorġ, Il-Belt Victoria. Is-sitta u għoxrin sena ta' parrokat tiegħu kienu importanti għat-tiġdid tal-ħajja pastorali u čivika tal-parroċċa. Dlonk sab ma' wiċċu l-isfida tat-tkabbir tal-knisja l-qadima. Ried ikabbar in-navi, u fl-1923 ġab l-approvazzjoni tal-Isqof. Fil-verità, ix-xogħol fuqhom ma kellux jibda qabel l-1936, imma bit-tħabrik tiegħu tlesta f'sentejn. Bejn I-1922 u l-1924 sar is-sett artistiku tal-vari tal-Ġimgħa I-Kbira u fl-1924 l-istatwa ta' Santa Rita, kollha ta' Wistin Camilleri. Kien fi żmienu li twaqqfet il-Banda Prekursur; hu fetaħ u bierek il-Każin fit-23 ta' Mejju 1929. Fit-28 ta' Ottubru 1934 ikkonsagra l-parroċċa lill-Qalb ta' Ġesù. Ta merħba kbira fix-Xewkija lill-Kardinal Alessio Lepicier meta ġie biex jinkuruna l-Madonna Ta' Pinu fl-1935. Bejn l-1934 u l-1935 kabbar iċ-ċimiterju l-qadim u bena kappella ġdida fuq pjanta ta' Lorenzo Zammit Haber. Bit-tħabrik tal-Arċipriet Grima twaqqfu fir-raħal il-fergħa tax-Xirka tal-Isem Imqaddes ta' Alla (1935): I-Għaqda tal-Ommijiet Insara (1935); l-Azzjoni Kattolika (1938); u l-Qasam tas-Subien tal-Museum (1943). Fi żmienu wkoll twaqqaf it-tim tal-futbol Xewkija Tigers fl-1938. Fl-1939 qiegħed l-istatwa titulari f'niċċa ġdida fin-navi, u fl-1940 irrestawra l-kwadru titulari għand il- Prof. V. Bonello. Is-sistema tad-dawl elettriku fil-knisja ġiet stallata fl-1940. Ħabrek ukoll biex fix-Xewkija ġew is-Sorijiet Dumnikani, b'dar maġenb il-kappella tal-Madonna tal-Ħniena, f'April 1944. L-Arċipriet Grima kien ir-ragħaj spiritwali tax-Xewkija fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija: hu għaraf imexxi l-poplu b'għożża u tjieba f'dawn iż-żminijiet imqallba. F'Jannar 1945 żamm il-Missjoni I-Kbira, u f'Ġunju kkummissjona l-qanpiena ż-żgħira għall-kampnar. Dan sar ukoll b'tifkira tal-ewwel ċentinarju tal-wasla tal-istatwa titulari li ġie ċċelebrat bil-kbir, fejn inhadmet ukoll statwa ta' San Ġwann bil-ħarufa minn Wistin Camilleri, Fi żmien l-Arċipriet Grima reġgħet qamet il-kwistjoni tal-festa kmandata, billi fl-1946 il-Knisja neħħiet mill-24 ta' Ġunju l-obbligu tal-Quddiesa, u għalhekk il-Festa ta' San Ġwann ġiet ittrasferita għall-eqreb Ħadd lejn dik il-ġurnata. Għalkemm mhux mir-raħal, l-Arċipriet Grima poġġa l-interessi spiritwali u pastorali tax-Xewkija qabel kull imħabba oħra, hekk li ħallielha wirt li ma jistax jintesa.

13. L-Arċipriet Dun Ġużepp Grech (1947-1971)

Mill-Parroċċa ta' San Ġorġ, il-Belt Victoria. Għadda xi xhur Kuġitur tal-Arċipriet Grima, qabel ħa l-pussess mingħajr solennità minħabba l-mewt tal-predeċessur maħbub tiegħu. Mill-bidu ntefa' b'ruħu u ġismu fil-qasam pastorali, bl-għan ewlieni tiegħu jkun it-tfassil ta' knisja ġdida għall-poplu tax-Xewkija. Hekk medd għonqu għax-xogħol u biex iġib il-permessi kollha meħtieġa. Ġie deċiż li tinbena Rotunda kbira fuq il- pjanti tal-Perit Malti Ġużè d'Amato. Sadattant f'Ottubru 1949 beda x-xogħol taċ-ċimiterju l-ġdid, fuq pjanta ta' Lorenzo Zammit Haber u bl-istinkar tal-bennej Ġużeppi Spiteri, u dan tbierek fl-1951, L-ewwel ġebla tar-Rotunda l-ġdida tqiegħdet minn Mons. Ġużeppi Pace, Isqof ta' Għawdex, fl-4 ta' Mejju 1952. Ix-xogħol baqa' miexi bla ma waqaf, bit-tliet bennejja ewlenin ikunu Ġużeppi Cauchi u l-aħwa Toni u Ġużepp Vella. Grech ma kellux jara l-ħolma tal-parrokat tiegħu titlesta - il-proġett dam sejjer sa sena wara mewtu. Fl-1951 żaret ix-Xewkija l-Principessa Elizabetta tal-Ingilterra flimkien ma' żewġha Filippu; hi reġgħet ġiet bħala Reġina fl-1954 u fl-1968. Fl-1953 beda fix-Xewkija I-Leġjun ta' Marija, u fi żmien wkoll, fl-1956, reġgħet ingħatat il-ħajja l-Banda Prekursur. Fit-23 ta' Diċembru nfetaħ uffiċjalment il-Kažin il-ġdid. Minn dakinhar il-Banda ma ħarsitx lura u llum hi waħda mill-aktar soċjetajiet mużikali attivi f'pajjiżna. Fl-1961 twaqqfet fix-Xewkija l-fergħa tal-Moviment Ħaddiema Nsara. Għalkemm, kif ingħad, l-Arċipriet Grech miet qabel ra l-proġett tar-Rotunda jitwassal fi tmiemu, irnexxielu jara l-koppla magħluqa, u fil-31 ta' Mejju 1970 sar it- tberik tas-salib tagħha minn Mons. Giuseppe Majoli, Nunzju Appostoliku għal Malta. Min jaf kemm għawġ ħabbat wiċċu miegħu l-Arċipriet Grech, imma solvieh bil-karattru dħuli, umli u daqstant ieħor sod tiegħu! Kien sejjer lejn Malta biex jordna l-ħġieġ tal-koppla meta safa milqut minn ċilindru tal-gass li tar minn fuq trakk fl-Imġarr, inċident ikrah li ħasadlu ħajtu ħesrem fit-18 ta' Ottubru 1971, b'raħal sħiħ jibki dan ir-ragħaj li għal ħamsa u għoxrin sena ``mexxa dejjem il-parruċċani tiegħu lejn Alla bil-ħlewwa, biż-żelu u bi prudenza kbira``. Kull ġebla tar-Rotunda monumentali, li ġiet iddedikata fis-17 ta' Ġunju 1978, tgħajjat isem dan l-Arċipriet, għaref, għaqli u twajjeb.

14. l-Arċipriet Mons. Carmelo Mercieca (1972 – 2016)

Dun Karm Mercieca twieled fil-25 ta' Settembru 1941, fix-Xewkija Għawdex. Fl-14 ta' Ġunju tal-1964, huwa għamel l-ewwel Quddiesa Solenni tiegħu fil-Knisja Parrokkjali tax-Xewkija. Mal-mewt traġika tal-W.R. Arċipriet Dun Ġużepp Grech fit-18 ta' Ottubru 1971, il-parroċċa tax-Xewkija ġiet afdata f'idejn Mons Carmelo Xuereb, sakemm jintgħażel l-Arċipriet il-ġdid. L-Ecc tiegħu Mons Nikol Cauchi għoġbu jaħtar lil Dun Karm Mercieca bħala l-Arċipriet il-ġdid tax-Xewkija. L-ewwel biċċa xogħol li ħabbat wiċċu magħha kienet il-ħatt tal-knisja l-qadima li kellu jsir mill-aktar fiss u l-ġabra tal-iskultura Barokka li kellha. Fl-istess waqt kien għaddej it-tikħil u l-invjar tar-Rotunda. Hekk kif inħatttet l-aħħar ġebla tal-Knisja l-Qadima l-Isqof Cauchi bierek il-knisja u ddikjaraha miftuha nhar it-15 ta' Ġunju 1973. Minn l-ewwel jiem wara l-pussess tiegħu, Mercieca fforma, dak li maż-żmien kellu jkun magħruf bħala l-``Grupp Żgħażagħ taċ-Ċentru``. F'Marzu tas-sena 1972, il-purċissjoni tad-Duluri saret għall-ewwel darba forma ta' pageant fejn ħadu sehem madwar tliet mitt attur, tfal, żgħażagħ u adulti, lebsin kostumi Bibliċi. Sa Ġunju tal- istess sena kien ġie ffurmat ukoll il-Kor Vox Clamantis. F'dak iż-żmien ukoll, nibtet l-Għaqda Drammatika u fi Frar 1973, dehret l-ewwel ħarga tal-pubblikazzjoni Gourgion li għada sallum tiġi ppubblikata. Żejjen il-knisja b'dak kollu li hemm fiha; l-artal mejda (1975) sitt pittura kbar li juru l-ħajja tal-Battista mill-Kav. Paolo Camilleri Cauchi (1978-1980), il-pavimentar tal-art fl-irħam (1980), il-loġġ tan-nofs tal-istained glass (2008) u dawk tal-ġnub (2009), l-erba' Evanġelisti ta' Kav. Paolo Camilleri Cauchi (2011), fost ħafna proġetti oħra li jagħnu lill-knisja Rotunda. L-ewwel proġett kbir li ġie inawgurat fis-snin tmenin, kien il-ftuħ uffiċjali u t-tberik taċ-Ċentru Parrokjali fit-2 ta' Mejju 1980, proġett li skont l-Arċipriet Mercieca mhux biss kien bżonnjuż iżda kellu jkun il-power station tar-raħal tax-Xewkija. Ingħata bidu u temm il-bini ta' kampnar fuq in-naħa tal-Lvant tal-Knisja. L-ewwel ġebla tbierket u tqiegħdet mill-Isqof Cauchi fil-15 ta' Gunju 1987 u ġie mbierek uffiċjalment fl-1991. Ġurnata oħra storika għall-knisja Rotunda tax-Xewkija kienet il-lejla tas-7 ta' Ġunju 2006 meta waslu s-sett ta' tliet qniepen godda maħduma mid-ditta Ingliża Taylor and Bellfounders. L-aħħar opra kbira li ħadem għaliha bi sħiħ kienet il-pipe organ ġdid li tħabbar fl-2014. Dan kellu jinħadem mingħand Michael Farley Organ builders fuq disinn tas-Sur Noel Gallo u li ġie inawgurat fl-2017. Kien il-Ħadd, 30 ta' Awwissu, 2015, l-għada tal-festa tal- Martirju ta' San Gwann Battista, meta it-tmexxija tal-parroċċa tax- Xewkija giet imħabbra li kienet se tgħaddi mingħand l-Arċipriet Mercieca għal għand is-suċċessur tiegħu. Jibqa' mfakkar mhux biss ghal tant proġetti kbar li sebbħu lil raħalna fil-parrokat tiegħu iżda għall-imħabba kbira li kellu lejn it-tagħlim taż-żgħażagħ u t-tfal, il-prietki tiegħu u l-karità li kien iwettaq. Huwa għalhekk jibqa' mfakkar bħala 'Missier ix-Xewkija Moderna``.

Where to find us

Chapel

Lorem ipsum dolor sit amet, consectetur elit sed do eiusmod tempor incididunt.
a